Esklussiva: Theuma s-sensar beża’ li joqtluh

Read in English.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li jeżistu żewġ kopji ta’ ittra li kiteb Melvin Theuma, is-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għax beda jibża’ li joqtluh. Flimkien mal-ittra huwa ddepożita kopja tat-tapes li kien irrekordja.

L-isem ta’ Keith Schembri ssemma kemm-il darba fl-ittra u fit-tapes, flimkien ma’ ismijiet oħra u dan kollu fil-kuntest tal-assassinju tal-ġurnalista Maltija.

Schembri, li sa ftit ilu kien Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ħabib kbir ta’ Joseph Muscat, jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina. Huwa kien arrestat mill-Pulizija iżda ġie meħlus wara li saru l-investigazzjonijiet.

L-ittra qiegħda f’post sigur

Theuma, f’xi żmien wara l-assassinju, beda jibża’ li joqtluh. Għalhekk barra li kiteb l-ittra beda jgħid li huwa kien kiteb ittra fejn ta d-dettalji kollha ta’ x’ġara u l-isem ta’ min kellu x’jaqsam. Huwa poġġa l-ittra f’post sigur. Fl-istess post Theuma poġġa wkoll kopja tat-tapes, fosthom dawk li fihom irrekordja konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Theuma għamel kopja u taha lil persuna oħra.

Is-sensar għamel dan kollu bit-tama li dawk li kienu parti mill-komplott jagħrfu li jekk huwa jinqatel l-informazzjoni dwar dak li ġara tkun għadha teżisti u dak li kien jaf hu ma kienx jindifen miegħu. Huwa emmen li dan kollu jkun ta’ deterrent u li allura huwa ma jinqatilx.

“Dak li għamel Theuma kien tip ta’ insurance li jidher li rnexxiet”, qalulna s-sorsi tagħna.

L-ittra għand il-Maġistrat

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-ittra u d-dokumenti l-oħra llum qegħdin għand il-Maġistrat inkwirenti. Għand il-maġistrat hemm ukoll it-tapes bir-rikording. Fost ir-rekordings hemm dawk ta’ konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech li mistennija jkunu ta’ importanza kbira fil-każ. Iżda l-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu riċentement fil-Qorti li hemm ittri, tape rikordings u kuntratt li jinkriminaw lil Keith Schembri.