Theuma l-ewwel mara li lagħbet 100 logħba mat-tim nazzjonali

Qabel il-logħba bejn Malta u Bosnia u Herzegovina, il-captain Maltija Dorianne Theuma kienet ippreżentata bi flokk kommemorattiv. Dan kien preżentat lilha mill-President tal-FA Maltija Bjorn Vassallo. Għal Theuma din kienet il-100 logħba tagħha mat-tim nazzjonali. Hija saret l-ewwel plejer femminili li laħqet dan l-ammont ta’ logħob.

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kellu logħba tajba wara li rnexxielu jagħmel żewġ gowls tard fil-logħba. Sfortunatament dawn l-isforzi ma kinux biżżejjed għax Bosnia & Herzegovina rnexxielhom jirbħu bl-iskor ta’ 3-2.

L-iskor ma jagħtix mertu lill-prestazzjoni tat-tim Malti. It-tim ta’ Mark Gatt kellu numru ta’ opportunitajiet biex tal-inqas iġib id-draw, iżda  sfortunatament tilef ħafna minnhom u b’hekk Bosnia rnexxielhom jiksbu t-tliet punti.

Il-gowls tat-tim Malti kienu skurjati minn Emma Xuereb, li għaliha kien it-tielet gowl mat-tim nazzjonali, u Brenda Borg li għaliha kien il-ħames gowl li skurjat man-nazzjonal.