Filmat: Comodini Cachia b’laqgħa ta’ nofs siegħa mal-President

Minn ħin għall-ieħor mistennija tasal Therese Comodini Cachia għal laqgħa mal-President

Posted by Newsbook.com.mt on Friday, July 10, 2020

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Therese Comodini Cachia, li ġiet nominata biex tkun Kap tal-Oppożizzjoni, waslet fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard għall-ħabta tat-3.15pm.

Hija ntlaqgħet minn diversi nies li bdew iċapċpulha u jgħajtulha. Il-laqgħa damet madwar nofs siegħa, peress li Comodini Cachia ntlemħet ħierġa mill-Palazz fl-3.45pm.

Posted by Newsbook.com.mt on Friday, July 10, 2020

Jekk Comodini Cachia tilħaq Kap tal-Oppożizzjoni, hija tkun l-ewwel mara li tokkupa din il-kariga.

Dr Comodini Cachia ġiet innominata mill-Membri Parlamentari l-oħra tal-Oppożizzjoni, bħala l-MP li għandha lil żewġ terzi tal-MPs Nazzjonalisti warajha. Dan wara li din il-ġimgħa, Adrian Delia tilef vot ta’ fiduċja bi 17-il vot kontra 11, u żewġ voti ta’ sfiduċja oħra mill-MEPs Roberta Metsola u David Casa.

Ilbieraħ l-MPs Chris Said u Claudette Buttigieg żaru lill-President George Vella biex jinfurmawh li m’għadhomx jirrikonoxxu lil Dr Delia bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni. Huma jixtiequ li Dr Comodini Cachia toħodlu postu.

Wara din il-laqgħa, Delia stess żar lill-President, u wara l-President beda b’serje ta’ laqgħat mal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Intant, Adrian Delia lbieraħ filgħaxija għamel indirizz fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, li fih qal li huwa kien u għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Saħaq li ladarba għadhom jafdawh it-tesserati, huwa se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, peress li kienu huma li eleġġewh.