Theresa May tħabbar meta se tirriżenja

Theresa May dejected, entering car
Britain's Prime Minister Theresa May is seen outside Downing Street, as uncertainty over Brexit continues, in London, Britain May 15, 2019. REUTERS/Hannah Mckay

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May ħabbret li se tkun qed tirriżenja fis-7 ta’ Ġunju li ġej.

F’konferenza dalgħodu, May ċediet għall-pressjoni intensiva li saret mill-partit tagħha stess u b’hekk se tkun qed twarrab minn mexxejja tal-Konservattivi, u tagħlaq il-kapitlu ta’ tliet snin fit-tmun tal-pajjiż.

May ħabbret dan wara laqgħa li kellha ma’ Graham Brady, iċ-Chairman tal-Kumitat tal-1922, li kien ippreparat li jissuġerixxi it-tieni vot ta’ kunfidenza fit-tmexxija tagħha, jekk kienet tirrifjuta li tirriżenja.

Id-destin ta’ Theresa May ġie deċiż wara li nhar it-Tlieta tħabbar ftehim ġdid ta’ 10 punti dwar Brexit u li qanqal reazzjoni fost il-backbenchers tat-Tory u anke fost bosta mill-kabinett tagħha.

Il-Prim Ministru Ingliża se tibqa’ f’Downing Street, biex terfa’ r-responsabblità u l-ħtija ta’ dawk li mistennija jkunu riżultati orribbli tal-elezzjonijiet Ewropej, u biex tilqa’ lill-President Amerikan Donald Trump fiż-żjara tiegħu.

Il-Kumitat tal-1922 se joħroġ id-dettalji dwar il-pjan elezzjoni għat-tmexxija tar-Renju Unit, li mistenni jieħu madwar sitt ġimgħat.