Theresa May issalva; vot ta’ sfiduċja ma jgħaddix

Il-Membri Parlamentari Ingliżi fil-House of Commons vvutaw kontra mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru Theresa May l-Erbgħa filgħaxija.

Il-mozzjoni ġiet imressqa t-Tlieta filgħaxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn eżatt kif l-istess membri vvutaw kontra l-ftehim li l-Gvern Ingliż laħaq mal-Unjoni Ewropea dwar releazzjoni futura li r-Renju Unit seta’ jkollu mal-blokk ta’ 27 pajjiż.

Bi 325 vot kontra 306 voti, il-PM Ingliż rebħet vot li permezz tiegħu tista’ tibqa’ tmexxi l-Gvern iffurmat mill-Partit Konservattiv. F’dibattitu aktar kmieni fl-istess kamra, Corbyn sejjaħ lil dan il-Gvern bħala “zombie government” u sejjaħ ukoll lil May biex tagħmel l-għażla ġusta u tirreżenja.

B’risposta għal dawn l-attakki, May qalet li l-futur għal Brexit huwa f’idejn il-Membri Parlamentari u mhux f’idejn Gvern ġdid. Qalet li dan huwa mument storika għar-Renju Unit wara r-referendum li qasam lill-pajjiż min-nofs u saħqet li l-vot tat-Tlieta wera li l-pajjiż fadallu triq twila.

Aktar kmieni matul il-jum, l-eks Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li ma jiddispjaċihx li sejjaħ referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

Cameron ma jiddispjaċihx li sejjaħ referendum

Mal-BBC Cameron qal kienet wiegħda li għamel hu sentejn qabel fil-kampanja elettorali Ingliża tal-2015 fejn qal li din il-wiegħda ta’ referendum kienet inkluża fil-manifest elettorali tal-Partit Konservettiv Ingliż u r-referendum kien ġie ratifikat fil-Parlament b’sitta minn kull seba’ membri tal-Parlament Ingliż jivvutaw favurih.