Theresa May b’ċans li tipprova tieħu r-raba vot dwar il-ftehim ta’ Brexit

Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May u l-kabinett tagħha qed ifittxu modi kif jistgħu jerġgħu iressqu l-ftehim dwar Brexit fil-House of Commons għar-raba attentat sabiex jikseb l-appoġġ ta’ aktar Membri Parlamentari.

Skont il-BBC, May qalet li r-Renju Unit hemm bżonn isib mod alternattiv sabiex jinstab x’se jiġri wara Brexit. Dan wara li l-ftehim tagħha reġa’ ġie rrifjutat bi 58 vot il-Ġimgħa.

Il-Membri Parlamentati mill-partiti kollha se jkunu qed jingħataw iċ-ċans sabiex jittestjaw is-sapport għal alternattivi oħrajn waqt sett ta’ voti indikattivi li se jittieħdu nhar it-Tnejn li ġej. Madanakollu, iċ-Chairman tal-Partit Konservattiv Brandon Lewis qal li l-Gvern ma jissapportja l-ebda wieħed minn dawn l-alternattivi. Intant, il-mexxej tal-Partit Laburista Jeremy Corbyn qal lil May sabiex tibdel il-ftehim tagħha, inkella tirreżenja immedjatament.