Theresa Cutajar tingħata l-Premju Ġieħ l-Għasri

Kunsill Lokali Għasri

Dr Theresa Cutajar li hija l-abbaxxatriċi għal Malta fit-Turkija ngħatat il-Premju Ġieħ l-Għasri. Din iċ-ċerimonja saret is-Sibt li għadda fil-Knisja Parrokjali ta’ Corpus Christi fl-Għasri u kienet organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Għasri.

Theresa Cutajar hija t-tifla ta’ Laurence u Grace u twieldet fl-Għasri fis-16 ta’ Marzu, 1963. Hija kienet l-10 wild tal-koppja minn 11 u bdiet l-edukazzjoni primarja tagħha fl-iskola ta’ Laura Vicuna mmexxija mis-sorijiet Salesjani, fl-Għasri u wara kompliet fl-iskola tal-Għarb. Fis-sekondarja hija attendiet l-iskola tal-Bniet fir-Rabat u kompliet l-edukazzjoni tagħha s-sixth form fl-iskola Mikelanġ Refalo.

Hija attendiet l-Università ta’ Malta u gradwat fil-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fl-Ekonomija u kompliet l-istudji tagħha b’Masters fid-Diplomazija fl-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Dimplomatiċi (MEDAC). Hija għamlet course ieħor dwar id-diplomazija mal-Università ta’ Oxford fir-Renju Unit. Cutajar lestiet b’suċċess il-kors tal-Liġi u gradwat bħala avukata.

Bejn l-2011 u l-2013, Cutajar serviet bħala Kummissarju Għoli għal Malta fl-Indja. Minn Lulju 2020 hija bdiet isservi bħala Ambaxxatur għal Malta fit-Turkija. Din l-ambaxxata tinsab fil-Belt ta’ Ankara.

Iċ-ċerimonja kienet ppreżentata minn Joe Attard u attendew diversi qraba ta’ Cutajar kif ukoll is-sindku tal-Għasri Daniel Attard, diversi kunsilliera, is-Segretarja tal-Eżekuttiv u ħaddiema oħra. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Membri Parlamentari Chris Said, Kevin Cutajar u Joe Ellis.

Matul iċ-ċerimonja ngħataw diversi ċertifikati u tifkiriet lil-tfal u r-residenti tal-Għasri li ħadu sehem fl-avvenimenti li saru matul din is-sena.

Kunsill Lokali Għasri