​Tħeġġeġ lill-akkademiċi jitkellmu mingħajr biża’

MLCP

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ħeġġet lill-akkademiċi Maltin sabiex jitkellmu b’determinazzjoni u bla biża’.
Hija qalet dan waqt li ndirizzat seminar mill-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali bit-titlu “Taħdita dwar is-Silenzju: l-Akkademiċi għandhom jieħdu pożizzjoni dwar materji kontroversjali?”.
Il-President Coleiro Preca saħqet dwar il-libertà akkademika u qalet li din trid tingħata spinta ‘l quddiem fl-Università ta’ Malta kif ukoll fl-istituzzjonijiet l-għolja l-oħra. 
Qalet li dan huwa importanti għas-soċjetà għax b’hekk, l-akkademiċi jaqsmu t-tagħrif tagħhom u jitkellmu dwar dak li jemmnu fih.
Spjegat li dan huwa importanti iktar biex toħroġ il-verità, b’mod partikolari f’dinja li hija dominata minn informazzjoni falza. 
Il-President ta’ Malta sostniet li l-akkademiċi jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jagħtu l-poter liż-żgħażagħ biex dawn isiru ċittadini li jieħdu sehem fil-kwistjonijiet li jolqtu lis-soċjetà. 
Temmet tgħid li l-ebda kwistjoni m’għandha titqies bħala tabu’ jew inkella kontroversjali ħafna sabiex tiġi diskussa b’mod san.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia ONeill