Allarm falz: Theddida ta’ bomba ma’ karozza f’Ħal Qormi

Kienet allarm falz, l-allegata bomba li tpoġġiet ma' karozza f'Ħal Qormi.
Kelliem għall-Pulizija qal li huma ġew infurmati għall-ħabta tal-4.30pm.
Il-karozza kienet ipparkjata fi Triq is-Sebħ.
Konsegwenza t'hekk għal xi ħin, it-triq kienet magħluqa għat-traffiku.
Fuq il-post marru membri tal-Bomb Disposal Unit tal-Forzi Armati ta' Malta.
Dwar bombi li jitpoġġew ma' karozzi, kelliema għall-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li qed jitħejja abbozz ta’ liġi jew liġijiet ġodda li għandhom iħarrxu l-pieni għal min jinstab ħati li kien il-moħħ wara attentati b'bombi f'karozzi.
Fi Frar li għadda, dak li kien il-Ministru responsabbli, Carmelo Abela, kien laqqa’ konferenza tal-aħbarijiet urġenti wara t-tieni bomba f'karozza f’inqas minn xahrejn.
Ritratt: Arkivji