Theddida għad-demokrazija?

L-editorjali tal-lum tal-gazzetti Times of Malta, The Malta Independent u In-Nazzjon b’xi mod jew ieħor kollha jaċċennaw għall-prinċipju tad-demokrazija f’Malta. L-editur ta’ L-Orizzont iddeċieda li jiffoka fuq il-lupu li ma jbiddilx sufu.
“Kampanja orkestrata mill-OPM?” – Times
The Times of Malta għażlet it-titlu “Ġranet ħżiena għad-demokrazija”. Tistaqsi jekk kinitx “kampanja orkestrata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru”, il-fatt li ċ-Chief-of-Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ressaq kwerela fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil il-Ħamis, u l-għada, Kurt Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, kiteb artiklu li fih qal li ħadd mhu se jibki t-telfa ta’ Simon Busuttil. The Times iddeskriviet dawn bħala attakki diretti fuq id-drittijiet umani.
“Għaqda Nazzjonali bi stil Lejber” – TMI
Fuq l-istess linja, jikteb l-editur ta’ The Malta Independent, fejn jgħid li Kurt Farrugia ta tifsira ġdida lir-rwol ta’ Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern – dik li jniedi attakk feroċi fuq rivali politiċi. Skont il-gazzetta, Kurt Farrugia uża lingwaġġ mhux adekwat biex jattakka lil Simon Busuttil. It-titlu tal-editorjal huwa “Għaqda Nazzjonali bl-istil tal-Lejber”.
“Nibqgħu niġġieldu għad-demokrazija” – Nazzjon
In-Nazzjon, fl-editorjal tagħha bl-isem “Nibqgħu niġġieldu sakemm tirbaħ id-demokrazija”, tgħid li din hija sitwazzjoni bla preċedent u li l-ġlieda għall-verità mhi se tħammar qatt wiċċ il-Partit Nazzjonalista.  
“Jibqa’ jilgħabha ta’ paladin tal-ġustizzja” – Orizzont
Il-ġurnal L-Orizzont jitkellem dwar il-lupu li jbiddel sufu, u jsemmi kif Simon Busuttil baqa’ għaddej bil-vizzju tiegħu li “jilgħabha ta’ paladin tal-ġustizzja u jixħet dell ikrah fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż”.
“Il-korruzzjoni għandha kelliem uffiċjali” – Ann Fenech
Intant b’reazzjoni għall-artiklu ta’ Kurt Farrugia li deher fuq The Times Talking Point il-Ħamis, illum wieġbet il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech.
B’referenza għal Kurt Farrugia, qalet li issa l-korruzzjoni għandha l-kelliem uffiċjali tagħha. Ikkritikat kif Farrugia qed juża l-fondi pubbliċi tat-taxxi ta’ kulħadd, biex jibgħat messaġġi indiċenti f’isem il-Gvern. Ann Fenech sostniet li Simon Busuttil ma għandu bżonn tal-ebda titlu biex ikompli bil-kampanja tiegħu kontra l-korruzzjoni.
“Kulħadd kien aħjar minn Busuttil” – Kurt Farrugia
Fl-artiklu tiegħu tal-Ħamis li għadda “Ġimgħa kbira għall-Politika Maltija”, Kurt Farrugia qal li kulħadd għamel biċċa xogħol aħjar minn Busuttil fit-tmexxija tal-PN. Għalhekk qal li ma jiskantax għaliex Simon Busuttil se jibqa’ mfakkar bħala l-uniku kap ta’ partit ewlieni li qatt ma sar Prim Ministru.