Aġġornata: Theddida fl-Ajruport ta’ Munich; Malta affettwata

Aktar minn 200 titjira ġew kanċellati wara li diversi terminals fl-ajruport ta’ Munich fil-Ġermanja qed jiġu magħluqa llum minħabba theddida tas-sigurtà fl-ajruport. Għalkemm titjiriet Maltin ma ġewx kanċellati, madanakollu xorta ġew affetwati.

Minħabba theddida fis-sigurtà aktar kmieni llum kellu jingħalaq Terminal 2 fl-ajruport ta’ Munich. Dan it-terminal jintuża l-aktar għall-operazzjonijiet mill-kumpanija tal-ajru Lufthansa.

Riżultat ta’ dan titjiriet minn u lejn Malta aktar kmieni llum ġew affettwati.

It-terminal kien magħluq bejn is-6.45am u l-11.45am. Dan kien konfermat mill-operatur uffiċċjali tal-Ajruport fi stqarrija tal-istampa. Huma ma tawx dettalji dwar fiex kienet tikkonsisti din it-theddida.

Fuq il-midja soċjali, minn nies stess li kienu fl-ajruport, kien qed jingħad li allegatament it-terminal kellu jingħalaq minħabba l-possibilità ta’ theddida ta’ bomba . Dan hekk kif intlemħu numru kbir ta’ Pulizija fit-terminal bil-klieb tas-sigurtà.

Aktar tard, skont il-midja internazzjonali, ġie konfermat li persuna mhux magħrufa daħlet mingħajr permess f’żona ristretta tal-ajruport mingħajr ma għaddiet mill-eżamijiet tas-sigurtà. Kawża ta’ dan diversi terminals kellhom jiġu evakwati sakemm saru spezzjonijiet ta’ sigurtà.

It-titjiriet bejn Malta u Munich issa komplew joperaw, madankollu b’dewmien.