Theddid u intimidazzjoni wasslu għall-azzjoni mill-ALPA

Malta International Airport plc

Fit-18 Ġunju l-Unjin tal-Bdoti (ALPA) infurmat lill-Air Malta li jekk ma jirriżenjax Emvic Debono li huwa ċ-Chief Flight Operations Officer tal-Air Malta, dawn kienu se jipproċedu b’tilwima industrijali. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Viċi President tal-ALPA Matthew Degiorgio.

Fil-Qorti dehru rappreżentati tal-Air Malta u rappreżentati tal-ALPA wara li l-linja tal-ajru Nazzjonali għamlet talba għal mandat ta’ inbizzjoni minħabba li l-ALPA kienet bdiet b’tilwa industrijali li kienet tikkonsisti li titjiriet tal-Air Malta jitilqu 30 minuta tard mill-ajruport.

FILMAT: L-Air Malta għawġet il-fatti biex tgħatti n-nuqqasijiet – ALPA

Intimidazzjoni u theddid

Degiorgio fix-xhieda tiegħu rrefera għal intimidazzjoni u theddid li għaddew minnu xi bdoti inkluż huwa stess. Huwa rrefera għal meta kien ġie sospiż minn Emvic Debono b’nofs il-paga fil-21 ta’ Settembru fil-bidu ta’ negozjati. Spjega kif is-sospensjoni imbagħad ġiet irtirata għax kienet “mingħajr bażi”. Spjega kif tliet xhur wara bdot ieħor ġie mressaq quddiem il-bord tad-dixxiplina mingħajr evidenza. Huwa semma’ wkoll il-każ ta’ bdot ieħor u membru tal-eżekuttiv Stephen Schembri li ppruvaw jibgħatuh fuq titjira illegali, iżda kien “mhedded” mill-Air Malta.

Il-Viċi President tal-ALPA sostna li l-garanziji li semmew għadhom abbozz. Saħaq li l-ispin li ngħata mhux minnu, hekk kif dan qatt ma ġie diskuss. Dan b’referenza għall-iskema tal-irtirar kmieni għall-bdoti. Degiorgio spjega kif il-bdoti kienu qed jitolbu garanzija tal-permanent health insurance.

Ħareġ li din l-assigurazzjoni kienet intilfet wara li ġie ffirmat il-ftehim kollettiv, b’Degiorgio jisħaq dwar l-importanza ta’ din l-assigurazzjoni hekk kif xogħolhom jiddependi ħafna fuq l-istat tas-saħħa tal-bdot.

Degiorgio kompla jispjega li kien hemm nuqqas ta’ fiduċja bejn iż-żewġ partijiet. Bl-ALPA titlob ir-riżenja ta’ Emvic Debono u titlob li dan ma jibqax jidher għall-Air Malta fid-diskussjonijiet li kienu għaddejjin.

“B’Emvic Debono preżenti, ma emminix li nistgħu naslu għal qbil,” sostna Degiorgio.

Huwa semma’ ukoll li kull darba jkun hemm qbil fuq test tal-ftehim, dan jiġi lura iżda t-test ikun inbidel.

Degiorgio qal lill-Qorti li huma ddeċidew li jitilqu 30 minuta tard minħabba li l-medja li tat-titjiriet jitilqgħu tard b’20-30 minuta. Spjega kif l-ajruplani ġieli jinqabdu barra mingħajr slots jew minħabba l-maltemp u dan ifisser li titijiriet jispiċċaw siegħa u nofs sa sagħtejn tard.

“Break even” – Sies

Fix-xhieda ta’ Paul Sies li huwa ċ-Chief Commercial Officer ħareġ li 18 minn 52 titjira kienu affettwati. Huwa sostna li 68 persuna li kellhom it-titjira tagħhom mal-Air Malta spiċċaw kellhom jaqbdu titjiriet oħra minħabba li kellhom titjira oħra li tilfuha minħabba l-azzjoni industrijali.

Sies saħaq li l-mument li tilwima industrijali toħroġ fuq il-midja, in-nies jagħżlu li ma jużawx l-Air Malta. Skont Sies il-figura globali hi madwar €160,000 kuljum kieku l-ALPA kellha tkompli b’dawn l-azzjonjiet industrijali.

Mistoqsi dwar l-impatt tal-azzjonijiet industrijali fuq il-kumpanija tal-ajru f’każ ta’ eskalazzjoni, Sies qal li l-kumpanija mistennija la tagħmel telf u lanqas qligħ, filwaqt li sostna li baqax ħafna qabel ma jkun hemm problemi reali.

Sies qal li l-estmi huma bbażati minn ġurnata għal oħra, b’passiġġieri li diġà għandhom it-titjiriet tagħhom mal-Air Malta. Meta mistoqsi dwar kif in-nies ma jagħżlux Air Malta, Sies qal li din kienet ibbażata minn esperjenza.

Fix-xhieda ta’ Sies ħareġ li l-Air Malta tkellmet ma’ partner kummerċjali tagħha li qalitilha li se tkun qed terġa’ tevalwa r-relazzjoni ta’ bejnithom jekk l-azzjoni industrijali tkompli. Ħareġ li Sies kien qed jitkellem dwar Alitalia meta dan kien mistoqsi mill-avukat tal-ALPA Andre Portelli.

Debono jiċħad li biddel il-minuti

Emvic Debono ċ-Chief Flight Operations Officer tal-Air Malta xehed dwar il-laqgħat u l-korrispondenza mal-ALPA meta kienet qed tiġi diskussa t-tilwima industrijali.

Huwa sostna li filwaqt li l-ALPA kienet laħqet ftehim mal-Air Malta, l-unjin kienet saħqet li se tkompli bit-tilwima jekk il-Gvern ma jibdiliex il-pożizzjoni tiegħu. L-argument iżda kien irrifjutat mill-avukat tal-unjin.

Fil-korrispondenza mal-Air Malta, l-unjin kienet qalet li “l-ftehim finali” kien “fi triqtu għal għand il-ministeru” u jekk it-talbiet tal-unjin ma jintlaqgħux sa 30 ta’ Ġunju, l-membri se jiġu avżati biex iħejju ruħhom għal tilwima industrijali.

Portelli qal lil Debono li kienet intalbet ir-riżenja tiegħu minħabba theddid u intimidazzjoni fil-konfront ta’ żewġ membri tal-eżekuttiv. Debono qal li huwa kien irifjuta li jirriżenja.

Meta kien mistoqsi direttament għala kien hemm it-tilwima industrijali, Debono qal “skonthom kien hemm xi theddid”.

Portelli saqsa kif Debono kellhu f’idejh dokument mhux speċifikat li nħareġ, b’dan tal-aħħar iwieġeb li ġabu mingħand bdot. Huwa kompla jsaqsi lil Debono jekk jaqbilx li d-dokument ma kienx indirizzat lejn il-kumpanija u lanqas ma kien twissja ta’ tilwima industrijali. Il-Qorti waqfet lill-avukat Portelli f’dan il-punt u osservat li se tkun hi li se tiddeċidi fuq dan il-punt.

Il-minuti minn laqgħa bit-track changes kien jgħid li t-tilwima industrijali “tista’ tibda”.

ALPA kienet qalet lit-tmexxija Air Malta li jridu r-riżenja ta’ Debono u ma jridhux preżenti għan-negozjati. L-avukat tal-unjin żied jgħid li wara l-laqgħa Debono kien bagħat il-minuti li ma kienux jirriflettu dak li ġie diskuss waqt il-laqgħa. Debono ċaħad dan.

Għall-Air Malta deher l-avukat Ron Galea Cavaliazzi filwaqt li għall-ALPA deher l-avukat Andre Portelli.