Theddid, malafama, u aggressjonijiet…il-ħajja tal-ġurnalist

Kważi terz tal-ġurnalisti sfaw attakkati fiżikament fl-aħħar tliet snin, filwaqt li l-aktar abbuż rikorrenti hu dak psikoloġiku (69%), bħall-intimidazzjoni it-theddid, il-malafama u l-umiljazzjoni.
Dawn huma wħud mill-affarijiet li ġurnalist se jiltaqa’ magħhom tul il-karriera professjonali tiegħu, hekk kif studju ppubblikat illum mill-Kunsill tal-Ewropa wera l-kumbattimenti li sabu ma’ wiċċhom 940 ġurnalist mill-Membri stati kollha, kif ukoll il-Belarus.
It-tieni l-akbar ostaklu tal-ġurnalist huwa s-cyberbullying, hekk kif 53% tal-ġurnalisti li ħadu sehem fis-sondaġġ irrappurtawh. L-akkużi li jaqgħu taħt is-cyberbullying huma varji, fosthom li tkun partiġġjan u attakki personali.
L-intimidazzjoni minn gruppi oħra ġiet it-tielet l-aktar sfida tal-ġurnalisti (50%), imbagħad it-theddid fiżiku (46%), l-intimidazzjoni minn gruppi politiċi (43%), li jsegwu l-passi tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-ġurnalisti (39%), u finalment intimidazzjoni mill-Pulizija (35%).
L-istudju Journalists under pressure: Unwarranted interference, fear and self-censorship in Europe ipprova jindirizza l-aggressività lejn il-ġurnalisti, li kulma jmur qed tiżdied, sabiex jinstabu modi kif tista’ tiġi indirizzata.