The Terminator illum jagħlaq 35 sena

Bħal-lum 35 sena, fl-1984, ħareġ għad-dawl taċ-ċinema l-film The Terminator li minbarra li saħħaħ lil Arnold Schwarzenegger bħala attur għen ukoll biex ġab ’il quddiem il-karriera tad-direttur James Cameron. Il-film hu tant stmat fid-dinja tal-ispettaklu li l-Library of Congress tal-Istati Uniti ippriservatu fin-National Film Registry għas-sinificat tiegħu kulturali, storiku u estetiku. Is-sabiħa hi li qabel ma ħareġ meta kien fil-produzzjoni ħadd ma kellu xi tama speċjali li kien se jkollu tant suċċess.

James Cameron, li kiteb l-iskript flimkien ma’ Gale Anne Hurd li għal xi snin kienet martu, għall-bidu ma riedx lil Arnold Schwarzenegger jagħmel il-parti tat-Terminator imma l-parti ta’ Reese, dak li jintbagħat minn żmien ieħor biex jipproteġi mara li t-Terminator kellu joqtol. Iżda meta ltaqa’ mal-attur dan beda jiddeskrivilu kif għandu jkun it-Terminator u kif l-aħjar jidher fuq l-iskrin. Meta ra l-entużjażmu ta’ Arnold Schwarzenegger, James Cameron qal li dan ma kienx ikun tajjeb bħala Reese imma “ħej, ikun tal-biża’ bħala t-Terminator.”

Il-poster tal-film tal-1984

Min-naħa tiegħu Arnold Schwarzenegger ma tantx kien ħerqan għall-film. Meta kien fuq is-set tal-film Conan the Barbarian u staqsewh x’kien se jagħmel ’il quddiem, jingħad li rrisponda, “xi film tal-qamel, xi ġimagħtejn biex nagħmlu.” Madankollu ħa l-parti bis-serjetà u għamel tliet xhur jipprattika bl-armi tan-nar biex fil-film jidher kapaċi jużahom. Waqt il-film Arnold Schwarzenegger għandu 18-il linja fejn jitkellem u matul dawn kollha ma jgħidx aktar minn 100 kelma.

Frażi mitkellma li baqgħet abbinata mal-film hija meta The Terminator jgħid lis-Surġent tal-Pulizija: “I’Il be back.”

The Terminator kellu budget ta’ $4 miljun li aktar tard żdied għal $6.5 miljun. Dawn il-flus malajr inġabru mill-box office għax il-film daħħal aktar minn $78.3 miljun.

Ritratt: Gale Anne Hurd u James Cameron ma’ mudell ta’ The Terminator

S’issa ħarġu sitt films dwar it-Terminator. Dawn huma The Terminator (1984); Terminator 2: Judgement Day (1991); Terminator 3: Rise of the Machines (2003); Terminator Salvation (2009); Terminator Genisys (2015) u Terminator: Dar Fate (2019). Dal-2010 il-films dwar it-Terminator kienu daħħlu $3 biljun.