The Sound of Music għalaq 55 sena

Bħal-lum fl-1965 fl-Istati Uniti ħareġ il-film The Sound of Music biex illum, 55 wara, infakkru din il-produzzjoni għaċ-ċinema b’Julie Andrews u Christopher Plummer fil-partijiet ewlenin. Iżda The Sound of Music ma sarx mill-ewwel għaċ-ċinema għax beda bħala musical għal fuq il-palk b’kompożizzjoni ta’ Richard Rodgers u lirika ta’ Oscar Hammerstein II.

L-istorja hi bażata fuq ġrajjiet li seħħew tassew fl-1938 meta postulanta żagħżugħa minn kunvent intbagħtet biex tieħu ħsieb sebat itfal ta’ armel fil-villa tiegħu. Wara li daħħlet il-mużika u l-imħabba fosthom ilkoll hi żżewġet lir-raġel u naraw minn xiex jgħaddu meta f’pajjiżhom kien hemm il-ħakma tan-Nazi.

Il-kritiċi ma tantx laqgħu tajjebil-film iżda ntogħġob ħafna minn dawk li jmorru ċ-ċinema u kien l-aktar film li rawh picturegoers fl-1965 u l-aktar li għamel flus.  Il-film rebaħ ħames Oscars inklużi dak għall-Aħjar Film u għall-Aħjar Direttur.

Fl-1998 l-Istitut tal-Film Amerikan poġġa lil The Sound of Music fil-post 55 tal-aqwa films li qatt inħadmu u fir-raba’ post tal-aqwa musicals għaċ-ċinema.

Meta kienu jiffilmjaw kien ikun hemm l-atturi tfal imdawrin ma’ Julie Andrews li din, sena qabel, kienet ħadmet fil-film Mary Poppins imma ma kienx għadu ħareġ fiċ-ċinema. Julie, biex tferraħhom, kienet toqgħod tkantalhom il-kanzunetta Supercalifragilisticexpialidocious li kantat f’dak il-film. Imma huma dejjem ħasbu li Julie Andrews kienet ivvintat il-kanzunetta u kienet qed tkantaha għalihom.