The Shift ma jċedux ‘għat-theddid ta’ Henley & Partners’

The Shift, is-sit Malti tal-aħbarijiet, ma ċediex għat-theddid li għal darb’oħra d-ditta Henley and Partners qed tagħmel kontra l-midja f’Malta. Huma qalu li nfurmaw lil Henley and Partners li mhux se jneħħu minn fuq is-sit tagħhom artiklu li għalih qed toġġezzjona d-ditta Ingliża li fi kliem l-istess sit tagħmel il-miljuni mill-bejgħ tal-passaporti Maltin.
Henley and Partners, heddew lil The Shift b’kawżi fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti jekk ma jneħħux min fuq is-sit tagħhom storja dwar l-allegat involviment ta’ Henley and Partners fi Grenada.
Jidher li din it-tattika hija użata biex ibeżżgħu lill-ġurnalisti ħielsa, f’dan il-każ The Shift, mill-ispejjeż enormi li wieħed ikollu jagħmel biex jiddefendi kawża f’xi wieħed minn dawn il-pajjiżi. Henley and Partners diġà użaw l-istess tattika kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li sfidathom u kontra t-Times of Malta u The Malta Independent li kienu neħħew l-artikli kif mitluba.
Il-bejjiegħa tal-passaporti Maltin kitbu lil The Shift fil-21 ta’ Diċembru u tawhom żmien sas-1pm tat-22 ta’ Diċembru biex ineħħu l-artiklu li għalih għamlu referenza.
Henley and Partners kitbu lil The Shift li jagħmluha ċara li huma u l-Gvern tal-Grenada ripetutament u kategorikament jiċħdu kull involviment fit-tentattiv li ntqal li sar biex jinkisbu passaporti diplomatiċi mill-Grenada jew minn xi mkien ieħor.
Fil-bidu tal-istess ittra Henley and Partners kitbu b’ittri kapitali u skuri biex l-ittra tagħhom ma tkunx ippubblikata. Huma kienu għamlu l-istess meta riċentement heddew lit-Times of Malta u The Malta Independent.
The Shift għamluha ċara li mhux se jneħħu l-artiklu imsemmi għax “huwa ċar li dan l-artiklu jirrapporta dwar sitwazzjoni u għadd ta’ fatti magħrufa pubblikament.”
Insistew li huma se jirreaġixxu bil-mezzi kollha li tagħtihom il-liġi jekk Henley and Patners ikomplu b’dan it-theddid kontra l-libertà tal-espressjoni f’soċjetà demokratika.
F’Mejju li għadda, Daphne Caruana Galizia allegat li l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici taw struzzjonijiet lil Henley and Partners biex itellgħuha l-Qorti fir-Renju Unit bl-iskop li jintimidawha u jħalluha bla flus.
F’risposta għall-aħbar tat-theddid li sar kontra The Shift, il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li l-politiċi huma fid-dmir li jipproteġu l-libertà tal-espressjoni. Appella lil Joseph Muscat u lil Owen Bonnici biex jipproteġu lill-ġurnalisti Maltin.