The Pope App – biex issegwi ‘live’ il-Konklavi u l-Papa elett

Hekk kif min ħin għall-ieħor qed nistennew id-data ta’ meta se jibdew il-Konklavi, biex jiġi elett Papa ġdid, il-websajt uffiċjali tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali tal-Vatikan, News.va – nediet app biex kulħadd isegwi pass pass xi jkun qed jiġri f’dawn il-jiem.

The Pope App – li tista’ titniżżel b’xejn mill-Google Play u l-App Store – tagħtik il-faċilità li taqra l-aħħar aħbarijiet mill-Vatikan , tara r-ritratti u l-filmati, taqra d-diskorsi u anke jkollok aċċess għall-kaglendarju tal-Vatikan.

Peress li bħalissa għaddej il-Kungress Ġenerali tal-kardinali biex jiddeċiedu dwar il-Konklavi, mill-app tkun tista’ ukoll iżżomm ruħek aġġornat fi xħin se tkun il-konferenza tal-aħbarijiet li tagħti iktar dettalji dwar il-laqgħa tal-Kungress.

Ġaladarba jitlesta l-Konklavi, l-app se tkun iffukata fuq il-Papa elett. Se tkun tista’ issegwi ‘live’ l-attivitajiet tal-Papa u anke tkun infurmat minn qabel bil-ħin li jibdew.

Fatt innovattiv hu li permezz ta’ din l-app, se tkun tista’ tara min fuq il-mowbajl tiegħek x’qed jiġri fi Pjazza San Pietru. Dan permezz tad-diversi kameras li hemm installati fil-Pjazza.