The Importance of Being Earnest mit-Teatru Manoel u l-MADC

Il-favorita ta’ Oscar Wilde se tingħata interpretazzjoni ġdida mid-direttur Malcolm Galea.

Read in English.

Bdejna sena ġdida, u issa li għalqu l-produzzjonijiet teatrali tal-Milied, bdew mixjin ġmielhom il-provi għar-revival tal-favorita ta’ dejjem ta’ Oscar Wilde, The Importance of Being Earnest, li se tittella’ mit-Teatru Manoel u l-MADC fuq il-palk tat-teatru nazzjonali fl-aħħar tax-xahar.

B’kast ta’ atturi magħmul minn Davide Tucci, Edward Caruana Galizia, Maxine Aquilina, Michela Farrugia, Marylu Coppini, Isabel Warrington, Michael Mangion, Martin Azzopardi u Edward Thorpe, taħt id-direzzjoni tal-pilastru tal-kummiedja Malcolm Galea, The Importance of Being Earnest għandha tkun waħda mill-produzzjonijiet li se jispikkaw matul l-istaġun teatrali 2019-2020.

Sa mid-debutt tagħha f’St James’s Theatre f’Jum San Valentinu tal-1895, The Importance of Being Earnest baqgħet waħda mill-aktar drammi popolari fil-letteratura Ingliża. L-awtur kien diġà famuż għall-ħakma tal-lingwa Ingliża li kellu u għad-djalogi penetranti u divertenti li kien jikteb, iżda ħafna jaqblu li Earnest hija proprju x-xempju tal-kitba spirituża karatteristika ta’ Wilde. Il-kliem il-għerf li d-dramm miżgħud bih, id-‘dramatis personae’ kollu karattri kuluriti, kif ukoll il-mod intelliġenti kif il-plott jaqbeż bejn is-serjetà u t-trivjalità, kellhom jibqgħu sors ta’ ispirazzjoni għal diretturi u produtturi teatrali tul il-125 sena ta’ wara, hekk kif id-dramm żamm preżenza kostanti fir-repertorju teatrali ta’ ħafna pajjiżi. Ma naqsux ukoll bosta addattamenti tad-dramm għar-radju, televiżjoni u ċinema.

The Importance of Being Earnest diġà ġiet imtellgħa mill-MADC, b’suċċess kbir, lura fl-1988. Issa l-klabb teatrali u t-Teatru Manoel qablu li wasal iż-żmien li terġa’ tingħata ħarsa lejn din l-istorja ta’ mħabba komika li ma tiqdiem qatt, fejn il-protagonisti Algernon u Jack jikkorteġġjaw lin-namrati rispettivi tagħhom Cecily u Gwendolen taħt l-għajnejn ta’ seqer taz-zija ta’ Algernon, Lady Bracknell. Sadanittant, permezz ta’ ħabib fittizju jismu Ernest, jirnexxilhom jaħarbu mill-piż ta’ diversi obbligi soċjali iżda dan iwassalhom f’ċerti sitwazzjonijiet kemm ta’ umoriżmu sottili kif ukoll ta’ komiċità li tifqgħek bid-daħq. L-udjenzi li se jaraw id-dramm għall-ewwel darba u anke dawk li ilhom fans minn dejjem għandhom garanzija ta’ lejla stupenda fil-kumpanija ta’ dan il-kapolavur komiku ta’ Wilde.

The Importance of Being Earnest se tittella’ fit-Teatru Manoel fil-31 ta’ Jannar u fl-1, 2, 7, 8 u 9 ta’ Frar 2020. L-ispettakli tal-Ġimgħa u s-Sibt ikunu fit-8.00pm, u dawk tal-Ħadd ikunu fis-7.00 pm. Tista’ tibbukkja billi ċċempel fuq 2124 6389 jew inkella mis-sit www.teatrumanoel.mt. Id-dramm huwa kklassifikat 12+.