The Guardian: L-immigrazzjoni tista’ tingħeleb biss mal-Unjoni Ewropea

Artiklu li deher fil-ġurnal The Guardian isostni li din il-problema kbira għal pajjiż żgħir bħal Malta tista’ tingħeleb biss bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea.

Il-ġurnalista ta’ The Guardian, Jessica Abrahams, li ssostni li għandha qraba Maltin, tirrapporta kif Malta tirċievi l-akbar ammont ta’ talbiet għall-ażil fid-dinja meta mqabbel mal-popolazzjoni.

Tagħmel ukoll referenza għall-kontroversja li nqalgħet fl-aħħar jiem meta l-Gvern Malti kien qed jikkunsidra l-‘push back’, liema deċiżjoni twaqfet mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Abrahams tgħid li s-sentiment razzista u x-xenofobija fost il-Maltin qed tiżdied għaliex Malta m’għandhiex esperjenza vasta mal-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari.

Matul dawn l-aħħar 10 snin kienu 17,000 l-immigranti li waslu Malta u talbu l-ażil u Malta huwa wkoll l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn l-immigranti jinżammu f’detenzjoni għal 18-il xahar.

L-artiklu f’The Guardian isostni li l-Gvern Malti ilu jitlob sistema mandatorja ta’ ‘burden sharing’, li mhix qed issib l-appoġġ ta’ Brussell.

Għalhekk l-għajnuna trid tasal mill-Unjoni Ewropea biex ikun hemm politika komuni għall-immigranti irregolari li tgħin pajjiżi fil-fruntiera bħal Malta.