The Daphne Project: X’kien jgħid il-messaġġ li qatilha?

Fost in-numru ta’ stejjer li l-konsorzju ta’ The Daphne Project qed joħroġ dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-istejjer li kienet qed tinvestiga, ġie żvelat x’kien jgħid il-messaġġ li attiva l-bomba li qatlitha.
Skont il-ġurnal Zeit.de, il-messaġġ li qatel lill-ġurnalista kien jgħid “REL1 = On”, liema messaġġ beda kurrent elettriku li sploda l-karozza propju fis-2:58:55pm tas-16 ta’ Ottubru tal-2017.
L-artiklu jirrakkonta l-aħħar mumenti ta’ Caruana Galizia qabel ma rikbet il-karozza, flimkien mal-pożizzjonijiet tal-akkużati madwar iż-żona, skont l-evidenza li ħarġet s’issa mill-kumpilazzjoni tax-xhieda.
Il-ġurnal Ġermaniż jispjega kif l-ewwel mowbajl tal-akkużati xegħel propju fis-1:41am u ħames minuti wara attivaw it-tieni mowbajl. It-tnejn li huma kienu attivati fil-Bidnija.
Isemmi kif Alfred Degiorgio, il-Fulu, kien qed ipejjep sigarett fil-viċin, liema sigarett ġie kkonfermat li kien tiegħu wara li saret analiżi tad-DNA mill-Pulizija fil-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-lum.
Id-dgħajsa kienet lesta, sabiex jitwettaq ir-reat malli l-vittma tiċċaqlaq.
Min-naħa tagħha, qabel ġiet assassinata, Caruana Galizia kienet qed tibgħat numru ta’ imejls bilqiegħda ħdejn binha. Il-ġurnal jgħid kif malli ndunat li kienet se tkun tard għall-appuntament li kellha l-bank, telqet bil-ħeffa u qaltlu “ċaw”.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.