The Daphne Project: “Stramb kif Schembri u Mizzi wieġbu dwar 17 Black” – ġurnalist

Carlo Bonini, ġurnalist tal-gazzetta Taljana La Repubblica stqarr li huwa stramb il-mod kif Keith Schembri u Konrad Mizzi wieġbu lill-ġurnalisti ta’ Forbidden Stories meta mqabbel mat-tweġibiet li taw fil-pubbliku dwar il-kumpanija 17 Black.
Fil-programm Newsline, li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq RTK, Bonini qal li huwa jarha stramba kif Ministru fil-Gvern huwa kuntent li għandu kumpaniji off-shore u fl-istess waqt qed jaqdi d-dmijiet tiegħu lejn il-pajjiż.
Mistoqsi jikkummenta dwar jekk l-istejjer żvelatti minn Forbidden Stories permezz ta’ The Daphne Project humiex stejjer riċiklati, Bonini qal li ġie ppubblikat dokument b’email li jipprova li d-destinazzjoni finali tal-€1.1 miljun kienu għal għand iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.
Jgħid li l-informazzjoni li hemm hi altru minn biżżejjed biex dawk involuti jagħtu r-risposti sodisfaċenti. Qal li “jekk fil-mandat tagħhom, xi Ministru jew Chief of Staff ta’ Prim Ministru jinqabdu jiftħu kumpaniji off-shore, din tkun problema kbira”.
“Ir-responsabiltà tal-Pulizija hija differenti minn dik kriminali”
Fil-programm jispjega li l-Pulizija għandha rwol differenti mill-Qorti meta jgħid li anki jekk persuna tiġi lliberata fil-Qorti, l-istess evidenza li ma kinitx biżżejjed biex tikkundanna lil xi ħadd fil-Qorti, tista’ sservi biex l-opinjoni pubblika dwar il-persuna tinbidel.
Dwar 17 Black, Bonini jgħid li kienet tkun problema wkoll li kieku l-ftuħ ta’ kumpanija off-shore kienet biss idea mingħajr ma twettqet. Jispjega li dan kollu ġara f’suppost demokrazija matura li żżomm mal-prinċipji tat-trasparenza.
Mistoqsi dwar il-preżenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bar fis-Siġġiewi fejn il-Ministru Chris Cardona allegatament iltaqa’ mal-akkużati tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Bonini qal li l-unika isem ta’ politiku li ltaqa’ mal-akkużati kien il-Ministru Cardona.
Bonini qal li l-flus li ġew trasferiti minn entità fl-Ażerbajġan għall-kumpanija fid-Dubaj 17 Black “ssolvi biċċa mit-taħbila”.
Skont Bonini, dan kollu juri li xi ħaġa ma kinitx sejra fid-direzzjoni t-tajba.
Tista' ssegwi parti oħra tal-intervista hawnhekk: