The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

Ġie żvelat li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi.
Kemm Schembri kif ukoll Mizzi kienu saħqu li qatt ma kellhom kontijiet bankarji għall-kumpaniji tagħhom fil-Panama.
Din l-informazzjoni ħarġet mill-ġurnal Times of Malta li huwa parti mill-proġett The Daphne Project.
It-Times tgħid li f’imejl li kisbet il-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, Nexia BT li offriet konsulenza finanzjarja lil Schembri u Mizzi, qalet li 17 Black kienet se tagħmel trasferimenti ta’ flus fil-kumpaniji Tillgate u Hearnville ta’ Schembri u Mizzi rispettivament, permezz tal-kontijiet li ppruvaw jiftħu fil-Bahamas.
Skont ir-rapport, investigaturi mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) sabu li ġew trasferiti żewġ pagamenti b’total ta’ €1.1 miljun mill-kumpanija fis-Seychelles Mayor Trans għal 17 Black.  Is-sid ta’ Mayor Trans huwa mill-Ażerbajġan.
Il-€1.1 miljun intbagħtu lil 17 Black f’Novembru 2015, minn ABLV, bank Latvijan li għalaq riċentament minħabba ksur ta’ regolamenti ta’ ħasil ta’ flus.
The Daphne Project sab li l-awtoritajiet Amerikani kontra l-ħasil tal-flus identifikaw tranżazzjonijiet dwar 17 Black, bħala “attività minn kumpanija shell, wire transfers suspettużi u ħasil ta’ flus”.
Skont l-FIAU t-tranżazzjoni ta’ €1.1 miljun kienet ‘suspettuża’.
It-Times tgħid ukoll li fi żmien li saru t-tranżazzjonijiet ta’ 17 Black, Nexia BT kienet qed tipprova tiftaħ kontijiet bankarji madwar id-dinja għall-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama.
“Pagament ta’ €161,000 mill-aġent tat-tanker tal-LNG”
It-Times of Malta ssemmi ċifra oħra, €161,000 li ġie trasferit lil 17 Black minn Orion Engineering, kumpanija lokali li tagħti l-LNG lill-power station il-ġdida.
Għall-FIAU, dan il-pagament li sar f’Lulju 2015 kien ukoll suspettuż, minħabba r-rabtiet bejn sid il-kumpanija – Mario Pullicino u l-proġett tal-power station.
Mat-Times, Pullicino qal li ma kellux xi jżid maċ-ċaħda li kien għamel. Huwa kien qal li Orion Engineering qatt ma kienet involuta f’pagamenti ta’ kickbacks marbuta mal-LNG FSU.
Meta sar il-pagament, Konrad Mizzi kien għadu Ministru għall-Enerġija.
It-Times of Malta fakkret li sena ilu kkonfermat li Konrad Mizzi mar Dubaj xahar wara l-pagament u li jiem qabel mar Dubaj, Nexia BT kienet qed tiġbor id-dokumenti neċessarji biex ikun jista’ jiftaħ kont bankarju hemmhekk. Dan kien ġie miċħud minn Mizzi.
Il-kontijiet fil-Baħamas kienu mistennija jiġġeneraw €1.6 miljun ($2 miljun)
It-Times tippubblika imejl ta’ Nexia BT, li turi li l-kontijiet tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville kienu se jiġġeneraw “madwar €1.6 miljun” fi żmien sena.
Karl Cini ta’ Nexia BT qal fl-imejls li 17 Black u kumpanija oħra Macbridge, se jkunu qed jibagħtu pagamenti f’dawn il-kontijiet fil-Baħamas.
Skont l-imejl, Schembri u Mizzi kienu se jirċievu €150,000 fix-xahar fil-kumpaniji tagħhom fil-Panama, minn 17 Black u Macbridge.
“17 Black kienet inkluża fi draft business plan tan-negozju tiegħi” – Keith Schembri
F’reazzjoni, Keith Schembri qal li 17 Black u MacBridge kienu potenzjalment klijenti tiegħu hekk kif kienu inklużi fid-draft business plans tal-grupp tan-negozju tiegħu.
Fi stqarrija, Schembri saħaq li l-kumpaniji tiegħu jagħmlu għexieren ta’ pjanijiet ta’ negozju bħal dawn. Madanakollu insista li la 17 Black u lanqas MacBridge ma saru klijenti tal-grupp ta’ negozji tiegħu, u li ma ġew irreġistrati l-ebda tranżazzjonijiet ma’ dawn il-kumpaniji jew miegħu personalment.
Saħaq li m’għandux għarfien dwar it-trasferimenti jew l-allegat ħlas li qed jissemmew.
“Ripetizzjoni ta’ allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet” – Konrad Mizzi
Fi stqarrija oħra, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-allegazzjonijiet u l-ispekulazzjonijiet li ħarġu llum huma ripetizzjoni ta’ allegazzjonijiet u spekulazzjoni bla bażi li saru qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda.
Dr Mizzi saħaq li m’hemm l-ebda rabta diretta jew indirietta bejnu, bejn il-kumpanija jew it-trust tiegħu u l-kumpanija 17 Black. Żied jgħid li l-kumpanija Hearnville fil-Panama ma kellha l-ebda kont bankarju u ma rċeviet flus mill-ebda sors.
Qal li meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti ta’ The Daphne Project, huwa stqarr li ma jafx lill-persuna identifikata minnhom, li hi mill-Ażerbajġan u li għamlet pagament f’17 Black u li m’għandux għarfien ta’ pagament li allegatament sar minn Orion Engineering Group lil 17 Black.

Konrad Mizzi qal li l-awditjar indipendenti fil-kumpanija u t-trust tiegħu tlestiet minn kumpanija internazzjonali, li kkonfermat li l-istruttura tiegħu hija intenzjonata biss għal trust tal-familja, li ma kienx hemm attivitajiet ta’ negozju minn Rotorua Trust u s-sussidjarja tagħha Hearnville Inc, u li t-trust u l-kumpanija ma kellhom l-ebda kontijiet bankarji.
Itennu t-talba għat-tneħħija ta’ Mizzi, Schembri u Muscat mill-karigi tagħhom
Intant, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili għal darboħra tenniet it-talba għat-tneħħija ta’ Mizzi u Schembri mill-karigi tagħhom. Saħqu li r-revelazzjonijiet minn The Daphne Project iżidu aktar evidenza mal-illegalitajiet tal-Panama Papers.
Min-naħa tagħhom, Occupy Justice jitolbu lill-Prim Ministru biex jirriżenja u jniżżel miegħu lil Schembri u Mizzi.
X’kien intqal fuq 17 Black?

Fi Frar 2017, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li f’Dubaj infetħet din il-kumpanija. Fil-kitba tagħha Caruana Galizia tefgħet ritratt tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Eks Kummissarju Ewropew John Dalli.  Madanakollu huma kienu ċaħdu din l-allegazzjoni.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt fl-istess żmien, il-Prim Ministru u l-Eks Kummissarju Ewropew kienu qalu li m’għandhomx idea dwar din il-kumpanija f’Dubaj.
Skont ir-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), din il-kumpanija kienet twaqqfet f’Dubaj biex imorru fiha l-fondi minn kumpaniji sgirieti fil-Panama li nfetħu mill-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Hearnville u Tillgate.
F’Mejju, il-ġurnal The Malta Independent kien qal li l-FIAU kkonfermat li fit-23 ta’ Lulju 2015, ġew trasferiti flus fil-kumpanija 17 Black.
F’Jannar li għadda, fil-Parlament il-Ministru Mizzi evita li jitkellem dwar 17 Black u l-allegat involviment tiegħu, minkejja sejħiet ripetuti min-naħa tal-Oppożizzjoni biex jagħmel dan. Id-dibattitu kien segwa wara stqarrija ministerjali dwar il-ftehim għall-fornitura tal-enerġija bejn il-Gvern, l-Enemalta u l-Electrogas.
The Daphne Project huwa proġett li qed jaħdem fuqu konsorzju internazzjonali ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja fosthom it-Times of Malta, li għandhom il-missjoni li jkomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata.