The Daphne Project: Il-Ministru Cardona jagħmel stqarrija mal-Pulizija

Il-Ministru Chris Cardona qal li lbieraħ għamel kuntatt mal-Pulizija u offra d-disponibbiltà tiegħu biex jiċċara l-allegazzjonijiet dwaru li ħarġu minn The Daphne Project.
It-Times of Malta, li hi parti minn The Daphne Project, nhar it-Tlieta rrapportat li fl-inkjesta maġisterjali nġibdet l-attenzjoni li Cardona ntlemaħ f’bar fis-Siġġiewi jitkellem ma’ mill-inqas wieħed mill-akkużati, qabel u wara seħħ l-assassinju.
Illum l-istess ġurnal ħareġ filmat li nġibed b’mod sigriet minn ġurnalisti Franċiżi, fejn raġel li jiffrekwenta l-bar qalilhom li ra b’għajnejh lill-Ministru Cardona jitkellem ma’ Alfred Degiorgio, il-Fulu.
Fi stqarrija llum, Cardona qal li mar minn jheddu u ta stqarrija lill-Ispettur Keith Arnaud, l-uffiċjal prosekutur fil-proċeduri kriminali kontra t-tliet suspettati tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Ministru ċaħad li kien fil-bar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017 – ġurnata qabel seħħ l-arrest tat-tliet akkużati.
Ċaħad li kellu laqgħa mal-akkużati u li wisq anqas ftiehem magħhom biex jiltaqgħu.
Chris Cardona spjega li hu ġieli kien fil-bar is-Sibt jew il-Ħadd, meta jkun hemm partiti tal-futbol li jintwerew fuq it-televiżjoni u li ilu jagħmel dan diversi snin, anke qabel ma sar Ministru.
Reġa’ tenna dak li qal fl-aħħar sigħat, li qatt ma kien mal-akkużati fil-bar. Madanakollu saħaq li ma jeskludix il-possibilità li seta’ kien hemm xi wieħed mis-suspettati fl-istess ħin. Qal li lanqas jeskludi li kien hemm diversi persuni oħra inkluż esponenti politiċi mill-Partit Nazzjonalista.
Temm jgħid li l-allegat xhud f’dan il-każ ġie introdott mal-membri tal-midja minn uffiċjal għoli tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Rawh jitkellem ma’ Degiorgio f’Novembru li għadda
Is-sors li tkellem mal-ġurnalisti Tim ta’ ġurnalisti minn France 2 u Radio France Franċiżi qal li l-Ministru Cardona kien jixrob miegħu u mal-akkużat fil-bar fis-Siġġiewi fi tmiem il-ġimgħa.
Xhud ieħor li tkellem mal-ġurnalisti iżda li ma kienx irrekordjat, qal li ra lill-Ministru Cardona jitkellem ma’ Degiorgio f’Novembru li għadda bejn l-4.30pm u s-6.15pm.
Skont it-Times of Malta, ix-xhud qal li Dr Cardona u Degiorgio tkellmu għal tul ta’ ħin u sostna li rahom joħorġu mill-bar flimkien. Qal ukoll li l-akkużat huwa ħabib tal-Ministru.
Minkejja dan, il-Ħamis waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet tat-Times of Malta, il-Ministru Cardona ċaħad li kien f’bar fis-Siġġiewi fl-istess ħin li kien hemm wieħed mill-akkużati bl-assassinju.
Qabel, fi stqarrija, Cardona kien qal li “ma jiftakarx” li kellu diskussjonijiet ma’ xi wieħed mill-akkużati.
The Daphne Project huwa proġett ta' konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja minn madwar id-dinja kollha, fosthom it-Times of Malta.