The Daphne Project: Politiċi Ewropej jitolbu inkjesta aktar profonda

Politiċi Ewropej qed jitolbu bil-qawwa kollha sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar iwessa’ l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi kliemhom dan sabiex jiġu segwiti b’mod aktar aggressiv dawk kollha li kellhom l-għan”li jsikktu” lill-ġurnalista.
Il-ġurnal Ingliż The Guardian ippubblika din is-sejħa ta’ għadd ta’ kelliema u politiċi Ewropej, bħala reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-ewwel grupp ta’ stejjer mit-18-il organizzazzjoni tal-midja fosthom it-Times of Malta.
“Ma sarx progress tanġibbli fl-investigazzjoni”
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kunsill Ewropew Dunja Mijatovic iddeskriviet l-assassinju ta’ Caruana Galizia bħala orribli. Qalet kif sitt xhur wara jidher li l-awtoritajiet Maltin m’għamlux progress tanġibbli biex jidentifikaw min kien il-moħħ wara l-assassinju.
L-Ewroparlamentari Portugiża Ana Gomes, ippubblikat filmat b’messaġġ indirizzat lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn sostniet li hemm bżonn li l-inkjesta tiffoka fuq min kellu l-motivazzjoni li jsikket lill-ġurnalista.
“Għaliex il-Pulizija mhix tikkunsidra l-intervista li saret lill-ġurnalista ftit jiem qabel?”
Gomes kompliet tistaqsi għaliex il-Pulizija Maltija mhix qed tikkunsidra bħala sors ta’ direzzjoni għall-investigazzjonijiet, l-intervista mal-ġurnalista, li saret 10 ijiem qabel l-assassinju u li ġiet ippubblikata t-Tlieta minn The Daphne Project.
Fl-intervista, Caruana Galizia tinstema tirrakkonta kif bosta persuni, anke dawk li ma jifhmux u ma jaqrawx bl-Ingliż, kienu jikkritikawha minħabba l-propoganda tal-Partit Laburista kontriha, b’mod speċjali fi żmien l-elezzjoni ġenerali.
“Il-President tal-KE qed iħalli lil Malta tagħmel li trid”
Fost il-persuni li qed jiġu kkritikati hemm ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker li bosta allegaw li għandu relazzjoni “intima” mal-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat.
Skont l-MEP Ġermaniż Sven Giegold, il-KE qed tħalli lil Malta tagħmel li trid.
Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea ma rrispondiex direttament lil The Daphne Project għal dawn l-allegazzjonijiet, iżda qal li mhux vera li Juncker qed jgħatti l-ksur tal-liġi f’Malta. Hu sostna li l-Kummissjoni qed tistenna investigazzjoni indipendenti u dettaljata tal-assassinju li ma tieqafx qabel ma jinstab min verament wettaq l-att u ssir ġustizzja.
The Daphne Project huwa proġett li qed jaħdem fuqu konsorzju internazzjonali ta' 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja fosthom it-Times of Malta, li għandhom il-missjoni li jkomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata.