​The Daphne Project: “Malta ħallset id-doppju tal-prezz tal-gass minħabba ftehim tal-Gvern”

Fl-2017 Malta ħallset għexieren ta’ miljuni ta’ ewro aktar milli suppost minħabba li l-Gvern rabat lill-Enemalta u lill-Electrogas biex jixtru l-gass mill-Azerbajġan.
Matul l-2017 Malta xtrat il-gass bi prezz li huwa d-doppju tal-prezz tas-suq.
Dan tħabbar mill-ġurnalisti li jiffurmaw parti minn The Daphne Project li l-gazzetta The Times of Malta hija parti minnu.
Ir-rapport f’The Times of Malta jgħid li l-Enemalta u l-Electrogas huma obbligati li fuq perjodu ta’ 10 snin jixtru b’biljun dollaru gass mis-Socar tal-Ażerbajġan. Sa April 2022 huma obbligati jħallsu €9.40 għal kull unit.
Skont dawn id-dokumenti, li l-Gvern Malti żamm sigrieti, is-Socar tixtri l-gass mingħand il-kumpanija Shell. Peress li l-prezz tal-fjuwil tbaxxa ħafna qed jiġri li s-Socar tixtri bl-irħis mix-Shell u tbiegħu bil-għoli lil Malta. 
Minħabba f’hekk id-ditta Socar qalgħet mat-€32.7 miljun minn fuq dar il-Maltin.
Il-gazzetta awtorevoli The Guardian tkellmet ma’ diversi esperti tas-suq tal-gass li kkonfermawlha l-flus żejda li qed tħallas Malta. Iżda kelliema għall-Ministru Konrad Mizzi li kien responsabbli għall-ftehim, ikkontesta dak li qalu l-esperti.
L-espert tal-enerġija Simon Pirani qal li dawk li jħallsu t-taxxa f’Malta għandhom jistaqsu għaliex sar ftehim tant ħażin għal Malta u tajjeb għas-Socar tal-Ażerbajġan.
Skont ir-rapport f’The Times of Malta Daphne Caruana Galizia kienet ingħatat 680,000 dokument mill-files tal-kumpanija Electrogas li bniet il-powerstation li taħdem bil-gass.
Issa dawn id-dokumenti ngħataw lill-ġurnalisti ta’ The Daphne Project li qed ikomplu bl-investigazzjonijiet.  
Fl-2015 l-Awditur Ġenerali kien sab li l-Enemalta kienet tilfet €14-il miljun wara li għamlet ftehim mas-Socar tal-Ażerbajġan fuq direzzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi.
Għar-reazzjoni tal-Gvern ara: Gass bl-għoli? Il-Gvern u l-PN jgħidu tagħhom.