​The Daphne Project: “Le ma kontx fil-bar” – Cardona; isir rapport mal-Pulizija

Il-Ministru Chris Cardona ċaħad li kien f’bar fis-Siġġiewi fl-istess ħin li kien hemm wieħed mill-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa kien qed iwieġeb mistoqsijiet tat-Times of Malta.
L-istess ġurnal, li hu parti minn The Daphne Project, nhar it-Tlieta rrapporta li fl-inkjesta maġisterjali nġibdet l-attenzjoni li Cardona ntlemaħ fl-istess bar jitkellem ma’ mill-inqas wieħed mill-akkużati, qabel u wara seħħ l-assassinju.
Nhar it-Tlieta, fi stqarrija, Cardona qal li “ma jiftakarx” li kellu diskussjonijiet ma’ xi wieħed mill-akkużati.
Attivisti jagħmlu rapport mal-Pulizija
Intant, il-gruppi #Occupy Justice, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, il-Kenniesa u l-Awturi, ressqu ilment formali lill-Pulizija biex tinvestiga lill-Ministru Cardona, dwar dak li ġie żvelat dwaru minn The Daphne Proejct.
Madwar 100 persuna nġabru quddiem l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt u waqt li rappreżentanti tal-grupp daħlu jagħmlu rapport, bdew jgħajtu “ġustizzja, ġustizzja”.
“Xogħolhom mhux li jinvestigaw lil min jipprotesta”
Kristina Chetcuti, is-sieħba tal-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, tat kumment lill-midja f’isem Occupy Justice.
Saħqet li hekk kif il-Pulizija tal-Belt kienu “effiċjenti ħafna” biex isejħu lil Busuttil għal interrogazzjoni dwar posters f’karozza rreġistrata taħt ismu, l-attivisti riedu jfakkruhom li xogħolhom mhux li jinvestigaw lil min jipprotesta imma lil dawk li allegatament kienu involuti fl-assassinju ta’ Daphne.
Illum, Simon Busuttil qal li l-Pulizija reġa’ bdielhom u mhux se jinterrogawh.
Id-demostranti kellhom kartelluni bin-numru tal-mowbajl ta’ Dr Cardona u pjanċi foloz tal-karozza, fosthom BLK17, b’referenza għall-kumpanija b’rabtiet maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Minsitru Konrad Mizzi.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.