The Daphne Project jiżvela kif Melvin Theuma rċieva l-maħfra presidenzjali

Miguela Xuereb

Read in English.

Propju llum, il-ġurnal Times of Malta ppubblika storja oħra b’rabta ma’ The Daphne Project, din id-darba tħares lejn kif Melvin Theuma rċieva l-maħfra presidenzjali. Din l-istorja ġiet ippubblikata propju lejliet mit-tliet snin anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnal spjega kif nhar l-14 ta’ Novembru tal-2019, Melvin Theuma kien fid-depot tal-Pulizija fil-Furjana u f’idejh kellu kaxxa tal-ġelat mimlija rekordings sigrieti. Dawn ir-rekordings huma ta’ telefonati li jitfgħu dawl fuq kif ġie ppjanat il-qtil tal-ġurnalisti u min kien involut. Dawn ir-rekordings għaddew għand il-pulizija bħala parti mill-prezz għall-maħfra.

Il-Ħamis filgħaxija mbagħad, The Daphne Project, li l-ġurnal Times of Malta jagħmel parti minnu, żvela aktar dettalji dwar l-arrest. Theuma hawn kien induna li s-sitwazzjoni ma tantx kienet qed tiffavurieh.

Ir-rekordings implikaw lin-negozjant Yorgen Fenech fl-assassinju u eventwalment wasslu biex jirreżenja l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Kien spjegat kif l-ewwel istint ta’ Theuma kien li jsib avukat li ma kienx jibża’ jaffaċċja l-gvern ta’ Muscat. Jidher li dakinhar stess filgħaxija hu pprova jitkellem ma’ diversi Membri Parlamentari fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li kienu kritiċi kbar tal-Gvern inkluż Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Karol Aquilina. Huma kollha rrifjutaw.

Eventwalment il-każ kien ittieħed f’idejn Matthew Brincat u Kathleen Grima.

Il-ġurnal qal li sorsi familjari mal-każ qalu lil The Guardian li Theuma ma riedx iħalli l-kaxxa tal-ġelat taħrab minn taħt għajnejh waqt li kien id-depot. Qalu li s-sorsi spjegat li l-kaxxa tal-ġelati kienet l-unika salvazzjoni tiegħu.

Kien spjegat kif Theuma kien ilu għal żmien twil ikun imħeġġeġ minn Fenech u Johann Cremona biex jeqred kull tip ta’ evidenza li tista’ tinkriminahom. Dan qabel ma l-pulizija arrestaw lil Theuma b’rabta ma’ każ ta’ money-laundering.

“Ara li kullimkien ikun nadif 100%,” qal Fenech f’messaġġ lil Theuma ftit qabel l-arrest. Kien spjegat kif l-arrest kien oriġinarjament ippjanat għal nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru. Madanakollu l-pjanijiet kollha nbiddlu meta l-investigaturi osservaw lil Theuma jmexxi l-kaxxa tal-ġelati li kien fiha r-rekordings.

Kien hawn li ttieħdet id-deċiżjoni li jitmexxa l-arrest, għax bdew jibżgħu li Theuma kien se jaħbi l-kaxxa. Hu kien arrestat fil-karozza ta’ martu, bil-kaxxa tal-ġelat fuq is-siġġu tal-passiġġier. Malli twaqqaf mill-pulizija, kien spjegat li Theuma ħataf il-kaxxa u qal lill-uffiċjali li jrid ikellem lill-investigatur Keith Arnaud “dwar l-assassinju”.

Hu tant ma kienx jafda lill-gvern, li l-avukati tiegħu talbu li l-memorandum of understanding dwar il-maħfra jitfassal u jkun iffirmat mill-Kummissarju għall-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Prim Ministru qabel ma jagħti l-informazzjoni li għandu dwar il-qtil. Ġeneralment, maħfra tingħata wara li suspettat jagħti l-evidenza lill-pulizija li tista’ tkun korroborata.

Madwar xahar qabel l-arrest ta’ Theuma, Joseph Muscat kien qal li ma tantx kellu għal qalbu l-maħfriet presidenzjali meta mistoqsi għaliex Vince Muscat il-Koħħu ma kienx ingħata l-maħfra f’April tal-2018. Dan minkejja li kien offra evidenza.

Il-ġurnal spjega li l-ġimgħa filgħaxija wara l-arrest, in-negozjati dwar il-memorandum ta’ ftehim kienu qed imajnaw. Il-prosekuturi kienu wissew li kienu se jakkużaw lil Theuma b’ħasil tal-flus jekk ma jsir l-ebda progress.

Il-ġurnal kien spjega kif dakinhar ma kien hemm l-ebda persuna li tressqet quddiem il-Qorti u minflok kienu bdew negozjati intensi bejn iż-żewġ naħat dwar il-maħfra tard is-Sibt. Iżda kien hemm aktar tensjoni għax Muscat mbagħad iffirma l-Memorandum it-Tlieta ta’ wara. Muscat kien qal lill-ġurnal Times of Malta li ffirma l-ftehim malli rċevieh.

Kien spjegat li skont Muscat, hu kien f’kuntatt mal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija l-Ħadd u t-Tnejn. Imbagħad, kmieni t-Tlieta filgħodu ħarġet l-aħbar dwar il-maħfra presidenzjali. Wara Muscat kien qal li kien hu waħdu li se jassumi r-responsabbiltà għall-maħfra presidenzjali. Muscat kien ammetta wkoll li kien tkellem maċ-Chief of Staff tiegħu u talbu jkellem lil Fenech biex jikkonvinċieh ma jaħrabx mill-pajjiż.

L-istorja ta’ The Daphne Project semmiet dak li qal Schembri fil-Qorti kien semma kif Fenech staqsieh jekk kienx hemm xi ħadd li qed isegwieh u hu kien wieġeb jgħid li “le”.

L-eks chief of staff qal li hu kien wissa lil Fenech biex ma jaħrabx mill-pajjiż. Iżda hu kien arrestat l-għada filgħodu wara li nqabad jipprova jaħrab bil-yacht tiegħu mill-marina ta’ Portomaso

Kien spjegat ukoll kif l-avukati ta’ Fenech qed jinsistu ma’ Daphne Project li Fenech qed jgħid li ma kellu l-ebda involviment. Sostnew ukoll li x-xhieda ta’ Melvin Theuma hija waħda mimlija b’allegazzjonijiet li mhux ta’ min joqgħod fuqhom. L-avukat allega li l-maħfra presidenzjali ta’ Theuma saret b’mod korrott.

The Daphne Project huwa proġett li jaqa’ taħt Forbidden Stories. Forbidden Stories huwa proġett ta’ Reporters Without Borders (RSF) u Freedom Voices Network li jissielet sabiex joffri sigurtà għall-informazzjoni li jkunu ġabru ġurnalisti li jkunu ġew arrestati jew maqtula sabiex xogħolhom jitkompla.