The Daphne Project: “It-Taljani aġixxew, il-Maltin ma ħadux azzjoni”

Ġurnalist Taljan qal li għalkemm l-awtoritajiet Taljani aġixxew fuq rapporti investigattivi tal-ġurnalisti dwar kuntrabandu taż-żejt, il-Maltin baqgħu ma ħadux azzjoni.
Waqt li kien intervistat fuq il-programm Newsline li jixxandar fuq RTK 103FM kull nhar ta’ Sibt mill-10am sa nofsinhar, il-ġurnalist qal li l-mistoqsija ewlenija ta’ The Daphne Project hija dwar ħidmet l-awtoritajiet Maltin biex jinterċettaw u jwaqqfu l-kuntrabandisti milli jkomplu bil-kummerċ illegali taż-żejt.
Lorenzo Bagnoli, li huwa membru tal-konsorzju tal-ġurnalisti li jiffurmaw The Daphne Project qal li fl-Italja l-awtoritajiet ħadu ħsieb li jwaqqfu parti mill-kuntrabandu li kien inkixef minn ġurnalisti Taljani f’Ottubru li għadda iżda skont hu “f’Malta hemm sistema batuta fejn dan it-tip ta’ kuntrabandu jitħalla jsir”.
Il-ġurnalist Taljan jgħid li eżempju tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija Maltija huwa fil-konfront ta’ persuna Maltija, li l-investigazzjoni Talajna uriet li dan għadu involut fil-ħidma illegali tal-kuntrabandu taż-żejt.
Fl-intervista tiegħu fuq RTK, Bagnoli jispjega li Malta għadha fiċ-ċentru tal-kuntrabandu taż-żejt għax l-awtoritajiet Maltin “ma jafux x’qed jiġri”.
The Daphne Project kixef l-allegat kuntrabandu taż-żejt minn Zuwara fil-Libja
Fl-intervista, il-ġurnalist qal li l-investigazzjoni tiegħu mal-ġurnalisti l-oħra ta’ The Daphne Project wasslet biex jinkixef l-allegat ħidma tal-milizzja Libjana minn Zuwara.
Jisħaq li l-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja għal Malta u l-Italja qed isostni finanzjarjament lill-membri tal-milizzja Libjana. Jgħid ukoll li Malta tintuża l-aktar għall-falsifikazzjoni tad-dokumenti dwar l-oriġini taż-żejt.