The Daphne Project: Illum joħorġu aktar stejjer

Propju llum fis-6pm se jkomplu joħorġu aktar l-istejjer tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia permezz tal-kollaborazzjoni msejħa “The Daphne Project”. Dan tħabbar fi tweet tal-organizzazzjoni li qed tikkordina dan il-proġett, Forbidden Stories.

L-organizzazzjoni bbażata f’Pariġi li l-għan tagħha huwa li tkompli x-xogħol ta’ ġurnalisti li jinqatlu jew li jiġu arrestati. Fil-każ tal-ġurnalista Maltija l-ħidma qed titkompla minn grupp ta’ 45 ġurnalist.

X’kienu l-istejjer li ħarġu s’issa permezz ta’ dan il-proġett?

Fis-17 ta’ April, it-Times of Malta, li jagħmlu parti mill-konsorzju tal-ġurnalisti kienu żvelaw li l-ebda politiku ma ġie interrogat waqt l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fit-18 ta’ Aptil, it-Times of Malta żvelat li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija f’Dubaj, imniżżla bħala waħda mill-klijenti li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi.

Fit-22 ta’ April, il-gazzetta La Repubblica semmiet tliet Russi fost l-1,000 persuna li kisbu passaport Malti. Dawn huma Arkady Volozh, Boris Mints u Alexander Nesis.

Fil-25 ta’ April, Times of Malta kienet żvelat li fl-2017 Malta ħallset għexieren ta’ miljuni ta’ ewro aktar milli suppost minħabba li l-Gvern rabat lill-Enemalta u lill-Electrogas biex jixtru l-gass mill-Azerbajġan. Matul l-2017 Malta xtrat il-gass bi prezz li huwa d-doppju tal-prezz tas-suq.

Fit-23 ta’ Mejju kien ħareġ li l-familja Caruana Galizia għaddiet il-laptops tal-ġurnalista lill-Pulizija Federali tal-Ġermanja (BKA). Dan kien ġie żvelat mill-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung. Il-Pulizija Ġermaniża keient ġiet fil-pussess ta’ żewġ laptops u numru ta’ hard disks tal-ġurnalista.