​The Daphne Project: Il-konsulenti ta’ Mizzi u Schembri fil-kumitat li ddeċieda dwar il-power station

Nexia BT li fetħet il-kumpaniji fil-Panama għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u għall-Ministru Konrad Mizzi ftit ġranet wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2013, kienet ukoll membru tal-kumitat li għażel min imexxi l-power station il-ġdida.
Is-sena li għaddiet il-Gvern kien irrifjuta li jgħid min kien fuq dan il-kumitat tal-għażla. Iżda wara talba li għamlet il-gazzetta Times of Malta taħt il-liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni rriżulta li Brian Tonna, il-managing partner ta’ Nexia BT kien fuq il-kumitat li l-Enemalta ħatret biex jagħmel l-għażla.  Impjegati oħra ta’ Nexia BT kienu fuq il-kumitat.
F’isem Keith Schembri u Konrad Mizzi, id-ditta Nexia BT kienet ukoll ikkuntattjat diversi istituzzjonijet finanzjarji f’pajjiżi biex jiftħu kontijiet f’isem Mizzi u Schembri li fihom skont Nexia BT kellhom jitqiegħdu l-miljuni. 
Skont imejl sigrieta ppubblikata minn The Daphne Project, Nexia BT kienet qalet li 17 Black, kumpanija reġistrata f’Dubaj, kienet waħda mill-klijenti tal-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri.
Skont rapport tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, 17 Black fl-2015 kienet irċeviet €1.3 miljun u €200,000 mingħand l-aġent tal-kumpanija tat-tanker li jipprovdi l-power station bil-gass.
Skont dokumenti sigrieti f’idejn The Daphne Project u li kienu rrappurtati minn timesofmalta.com, Tonna tan-Nexia BT jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ħabib kbir u klijent ta’ Schembri.  
Ma’ Tonna fuq il-kumitat kien hemm ukoll diversi ħbieb tal-Ministru Konrad Mizzi. Wieħed minnhom kien Godwin Sant li qed jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u tixħim. Huwa jiċħad l-akkużi. 
David Galea, ħabib ieħor tal-Ministru Mizzi kien ukoll fuq il-kumitat tal-għażla. Il-kumpanija ta’ Galea ingħatat direct orders  ta’  €262,700 minn ARMS Limited, li kienet taqa’ taħt Mizzi. 
Marco Burlò, nutar li l-Ministru Mizzi użah għal ħafna xogħol tal-Gvern kien ukoll fuq il-kumitat tal-għażla, kif kien ukoll il-kandidat Laburista u Kap ta’ Identity Malta Joe Vella Bonnici.
Kelliem għall-Enemalta qal  li dawk kollha li kienu fuq il-kumitat tal-għażla kienu ntgħażlu għax kienu kapaċi.