The Daphne Project: Il-Gvern għadu ma ħax azzjoni – studenti Ewropej

L-assoċjazzjoni tal-Istudenti Demokratiċi Ewropej (EDS) qalet li tistenna reazzjoni xierqa mill-Gvern Malti li fi kliemha ma ħax azzjoni s’issa fid-dawl ta’ The Daphne Project.
F’riżoluzzjoni, l-EDS esprimiet l-appoġġ tagħha lejn il-ġurnalisti ta’ The Daphne Project.
S’issa minn The Daphne Project ġie żvelat li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi. 
Skont żewġ xhieda li tkellmu mal-ġurnalisti ta’ The Daphne Projectil-Ministru Chris Cardona allegatament kien wieħed minn dawk li ġieli ntlemaħ jixrob mas-suspettati tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Schembri, Mizzi, u Cardona ċaħdu l-allegazzjonijiet.
L-EDS esprimiet l-appoġġ tagħha lill-poplu Malti fil-missjoni tiegħu biex il-liġi tkun rispettata u li l-istituzzjonijiet ikunu indipendenti. Qalet li “ż-żgħażagħ Maltin jixtiequ jgħixu f’pajjiż Ewropew li huwa tassew demokratiku.”
L-assoċjazzjoni qalet ukoll li qed issejjaħ lill-istituzzjonijiet tal-Ewropa biex jassiguraw li l-liġijiet jiġu rispettati fil-Unjoni Ewropea kollha.
Din ir-riżoluzzjoni tal-EDS għaddiet fil-laqgħa tal-Kunsill li sar fil-Latvja fil-21 ta’ April. EDS tirrappreżenta 1.6 miljun student madwar l-ewropa. Hija l-akbar assoċjazzjoni politika tal-istudenti fl-Ewropa.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.
Ritratt: EDS