​The Daphne Project: Ifittxu dwar dawk li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija

Il-gazzetta La Repubblica li hija parti minn The Daphne Project semmiet tliet Russi fost l-1,000 persuna li kisbu passaport Malti.
Ir-Russi, Arkady Volozh, Boris Mints u Alexander Nesis, kienu ssemmew diġà mill-ġurnalist Lorenzo Bagnoli, mill-Proġett tal-Ġurnaliżmu Investigattiv fl-Italja, li ntbagħat Malta biex jinvestiga l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Bagnoli kien kiteb li t-tliet Russi sinjuruni, issemmew fl-hekk imsejjaħ Kremlin List li kien ippubblikat mill-White House, lista li tidentifika negozjanti Russi li aktarx huma qrib il-President Russu Vladimir Putin.
Min huma dawn it-tliet “Maltin ġodda”?
Mill-investigazzjoni ta’ La Repubblica rriżulta li:
Arkady Volozh huwa dak li vvinta l-Yandex – il-Google tar-Russja.  F’Mejju 2017, il-Qorti fl-Ukrajna ordnat li jiġu kkonfiskati l-uffiċini f’Odessa u Kiev, fuq akkuża li Volozh għen lir-Russja fil-kunflitt kontra l-Ukrajna, billi ġabar informazzjoni tal-utenti b’mod illegali u tahom lis-Servizzi Sigrieti Russi.
Boris Mints għandu passat politiku u llum il-ġurnata huwa negozjant. Mill-2010 ‘l hawn okkupa l-kariga ta’ President tal-Konfederazzjoni Russa.
Alexander Nesis, l-iktar sinjur fost it-tlieta.  L-assi tiegħu huma stmati li jammontaw $1.9 biljun. Huwa wieħed mis-sidien tal-ikbar bank privat fir-Russja – Otkritie Bank.
Fost iċ-ċittadini l-ġodda hemm ukoll ħaddiema ta’ bank fil-Kenja, eksmembri tal-Parlament tal-Vjetnam, u intraprendituri Ċiniżi u Għarab.
Il-gazzetta La Repubblica ssemmi wkoll lil wieħed mill-Għarab li xtraw passaport Malti – Waleed al-Ibrahim li kien ġie arrestat f’pajjiżu minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
1,000 ċittadin Malti ġdid
Intqal li mill-2014 s’issa, inxtraw 1,000 passaport Malti għal madwar €1 miljun kull wieħed. Ta’ dan, il-kumpanija Henley and Partners tħallset madwar €20 miljun.
La Repubblica spjegat li biex wieħed jixtri passaport irid iħallas €650,000 u jinvesti €150,000 f’ħames snin. Trid tinxtara wkoll propjetà b’valur ta’ €350,000 jew inkella jrid jinkera post għal ħames snin.
Skont ir-riċerka ta’ Henley and Partners, ir-raġuni prinċipali għalfejn l-intraprendituri jixtru passaport Malti huwa biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw madwar l-Ewropa mingħajr Visa.
La Repubblica qalet li huwa diffiċli taqbad irkaptu ta’ min xtara ċ-ċittadinanza. Skontha dan minħabba li l-Gvern jippubblika lista kull sena bl-ismijiet ta’ ċ-ċittadini Maltin ġodda, iżda l-lista ma tkunx tinkludi biss dawk li jkunu xtraw passaport.
Intant, skont il-gazzetta Ġermaniza Süddeutsche Zeitung, il-passaport Malti jista’ jinxtara mis-sinjuri barranin għal diversi raġunijiet: biex jevadu sanzjonijiet, minħabba raġunijiet ta’ taxxa, jew biex ma jkollhomx għalfejn juru li għandhom passaport Iranjan jew Russu waqt li jkunu qed jagħmlu n-negozju.
Is-Süddeutsche Zeitung qalet li Malta rċeviet ħafna kritika dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment mill-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea, mill-Europol, u anke mill-Maltin stess. Il-gazzetta tgħid li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet totalmet kontra din l-iskema u li kienet qed tinvestigaha.
Intqal kif Henley & Partners titmexxa minn Christian Kälin, ir-raġel mlaqqam “ir-re tal-passaporti” li hu meqjus bħala wieħed minn dawk li ħoloq in-negozju tal-bejgħ tal-passaporti.  Kälin jaħdem ukoll mal-kumpanija Strategic Communications Laboratories (SCL). SCL ħolqot il-kumpanija Cambridge Analytica, li tinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tad-data ta’ Facebook.
Skont il-gazzetta, Kälin ġie mlaqqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-2011. Wara li Muscat rebaħ l-elezzjoni tal-2013, il-kumpanija ta’ Kälin saret is-sieħeb esklussiv tal-Gvern biex jinbiegħu l-passaporti.
Kompliet tgħid li mill-Panama Papers ħareġ li l-benefiċċjarja ta’ Henley and Partners x’aktarx hija z-zija ta’ Kälin. Il-gazzetta qalet ukoll li l-programm tal-passaporti Maltin għandu rabtiet mal-istess Panama Papers. Tgħid li għaddew €100,000 minn Brian Tonna, sid Nexia BT, għal għand iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Il-gazzetta tistaqsi kinux flus marbutin ma’ tixħim. Skont Tonna, huwa ħallas il-flus lil Schembri wara li li kien sellfu xi flus.
The Daphne Project huwa proġett li qed jaħdem fuqu konsorzju internazzjonali ta' 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja fosthom it-Times of Malta, li għandhom il-missjoni li jkomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata.