​The Daphne Project: “Fadal x’joħroġ imma Muscat, Schembri u Cardona m’aċċettawx intervista”

Id-deputat editur ta’ Forbidden Stories, Jules Giraudat qal li l-istejjer li ġew ippublikati minn The Daphne Project għadhom mhux magħluqa u li aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
F’intervista waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Giraudat semma li għamel talbiet biex jintervista lill-Prim Ministru Joseph Muscat, liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u lill-Ministru Chris Cardona, iżda fi kliemu ħadd minnhom ma aċċetta.
Madanakollu Giraudat qal li huwa fiduċjuż li iktar sorsi u whistleblowers se jsibu l-kuraġġ biex jagħmlu kuntatt ma’ The Daphne Project u jippreżentaw iktar evidenzi u provi. Saħaq dwar il-protezzjoni tas-sorsi li se jersqu b’iktar informazzjoni dwar ir-rapporti li kitbet dwarhom Daphne Caruana Galizia.
Sostna li The Daphne Project xorta waħda se jibqa’ għaddej minkejja l-manifestazzjoni li organizza l-Partit Laburista f’Malta fl-1 ta’ Mejju li għadda.
Id-deputat editur tal-Forbidden Stories semma kif l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħoloq emozzjoni sħiħa madwar l-Unjoni Ewropea kollha, u ddeskrivieh bħala l-ewwel qtil tat-tip tiegħu fl-Unjoni Ewropea.
Giraudat fakkar kif Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq stejjer ta’ ħasil ta’ flus u l-iskema tal-passaporti, li qal mhux biss jirrigwardaw lill-Maltin iżda persuni minn madwar id-dinja.
Filwaqt li qal li l-ġurnalista Maltija setgħet ħadet xi żbalji fil-kitbiet tagħha bħalma jagħmel kull ġurnalist, sostna li ħafna mill-kitbiet u r-rivelazzjonijiet tagħha kienu veritieri.