Tħassib wara li 3 instabilhom il-Covid-19 għat-tieni darba fl-Ewropa

FILE PHOTO: An undated scanning electron microscope image shows SARS-CoV-2 (round gold objects), also known as novel coronavirus, the virus that causes COVID-19, emerging from the surface of cells cultured in the lab and isolated from a patient in the U.S. NIAID-RML/Handout via REUTERS. THIS IMAGE HAS BEEN SUPPLIED BY A THIRD PARTY. MANDATORY CREDIT

Read in English.

Wara li kien ikkonfermat li żewġ pazjenti Ewropej reġgħu ġew infettati bil-Covid-19, kiber it-tħassib dwar l-immunità tan-nies hekk kif id-dinja qec tkompli tiġġieled mal-pandemija. Il-każijiet, fil-Belġju u l-Olanda, seħħew wara rapport ieħor minn riċerkaturi f’Hong Kong dwar raġel li marad bil-virus erba’ xhur u nofs wara li kien għaddielu l-ewwel darba.

Dan żied it-tħassib dwar kemm il-vaċċini potenzjali kontra l-virus, li qatel mijiet ta’ eluf ta’ persuni, huwa effikaċi. Għalkemm l-esperti qed jinsistu li jrid ikun hemm ħafna aktar każijiet ta’ infezzjoni mill-ġdid biex dan it-tħassib ikun ġustifikat.

Il-virologu Belġjan Marc Van Ranst qal li l-każ Belġjan kien ta’ mara li ġiet infettata għall-ewwel darba bil-Covid-19 f’Marzu u mill-ġdid b’varjant differenti tal-coronavirus f’Ġunju. Huwa qal li aktar każijiet simili hu mistenni li jfeġġu fil-futur qarib. Van Ranst spjega li l-mara, li għandha fuq il-50 sena, kienet żviluppat biss ftit antikorpi wara l-ewwel infezzjoni, għalkemm dawn jista’ jkun li llimitaw il-marda.

Huwa żied jgħid li l-coronavirus jidher li kien aktar stabbli minn dak tal-influwenza, iżda li xorta kien qed jinbidel. “Il-viruses jinbidlu u dan ifisser li l-vaċċin li jista’ jkun tajjeb sena oħra ma jibqax iservi għal 10 snin, aktarx li lanqas għal 5 snin”.

L-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika fl-Olanda wkoll osserva każ ta’ infezzjoni mill-ġdid b’varjant tal-virus. Marion Koopmans, virologa ewlenija fl-Olanda u membru tal-grupp xjentifiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet: “Huwa ċar li din il-persuna kienet infettatata darbtejn bi kwantità sostanzjali tal-virus. Il-kodiċi ġenetiku tal-virus prelevat minn dawn l-infezzjonijiet kien differenti”.

Hija żiedet tgħid li l-pazjent Olandiż, anzjan, kellu sistema immunitarja batuta u sostniet li ma taħsibx li l-każijiet ta’ infezzjoni mill-ġdid kienu xi ħaġa regolari.

Xi esperti sostnew li dawn il-każijiet qed joħorġu għaliex qed isiru ħafna aktar testijiet madwar id-dinja. Madankollu, Dr David Strain, lekċerer fl-Università ta’ Exeter u President tal-Kumitat tal-Persunal Mediku-Akkademiku, sostna li dawn il-każijiet jinkwetawh għal żewġ fatturi. “L-ewwelnett għaliex juru li l-ewwel infezzjoni ma tipproteġikx minn infezzoni oħra. It-tieni għaliex ifisser li t-tilqim jistgħu ma jipprovdux is-soluzzjoni li konna qed nistennew”.