Tħassib serju għat-traġedja li qed isseħħ mill-Musulmani Rohingya

Il-Papa Franġisku u l-Kardinal Charles Maung Bo, Arċisqof ta’ Yangon esprimew tħassib serju  għas-sofferenzi li għaddejja minnu l-popolazzjoni tal-istat ta’ Rhakine, li fil-maġġoranza tagħhom hi magħmula minn Musulmani.
 
“Jien saċerdot, m’inix espert fil-politika jew fil-liġi internazzjonali, imma inħoss ħafna meta nara n-nies isofru u għalhekk nitkellem kontra kull tip ta’ vjolenza u oppressjoni li qed nara iseħħu fil-pajjiż”, qal il-Kardinal Bo.
 
Hu qal li Myanmar kellu potenzjal kbir u futur sabiħ u llum qed jiffaċja sitwazzjonijiet serji bħalma huma l-faqar, l-emigrazzjoni furzata, forom moderni ta’ skjavitu, ġlied, nies li jkollhom jaħarbu minn djarhom u estrmiżmu reliġjuż. “Aħna nkomplu nsemmħu leħinna għall-minoranza Rohingya. Snin ilu konna tkellimna dwar il-kawża ta’ din it-traġedja u anke fin-Nazzjonijiet Uniti konna rrapurtana dwar il-persekuzzjoni terribbli li kienu għaddejjin minnha dawn in-nies li kienet ġerħa fuq il-kuxjenza tal-pajjiż”, qal il-Kardinal Bo.
 
Filwaqt li esperti tad-drittijiet umani iridu jiddeterminaw l-abbużi u ksur ta’ dawn id-drittijiet fl-istat ta’ Rakhine, iridu jaraw ukoll jekk kienx hemm tindif etniku,krimini tal-gwerra, krimini kontra l-umanita’ u ġenoċidji. Il-Kardinal Bo stieden lill-Gvern ta’ Myanmar biex jaħdem mal-komunita’ internazzjonali biex jinvestigaw dawn ir-rapporti b’mod indipendenti biex issir ġustizzja.
 
“Mayanmar hu pajjiż li qed jiffaċja ħafna sfidi. Nixtiequ li kulħadd ifittex il-paċi. Id-dinja kollha se tiġġudika l-Gvern tal-pajjiż fuq il-mod kif jitratta l-minoranzi fl-istat ta’ Rakhine” qal il-Kardinal li żied jappella lill-Gvern biex ma jieħux pożizzjonijiet li jfixklu l-paċi imma jaħdem biex ikun hemm paċi fil-pajjiż, bażata fuq il-ġustizzja. Il-paċi hi possibbli u hi l-unika triq għall-pajjiż.