Tħassib mill-kaċċaturi fuq tibdil fid-direttivi Ewropej dwar l-armi tan-nar

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti fi stqarrija uriet tħassib għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jkun hemm tibdil fid-Direttiva Ewropea dwar l-Armi tan-Nar.
Il-Federazzjoni qed issostni li l-Kummissjoni qed tgħaġġel fil-proċess tat-tibdil tad-direttiva minħabba l-attakki terroristiċi li seħħew f’Pariġi iżda se żżid aktar restrizzjonijiet fuq persuni, bħalma huma l-kaċċaturi li għandhom armi tan-nar skont il-liġi.
Il-FACE, li hija l-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Kaċċaturi u l-Konservazzjonisti, li tagħha hija membru wkoll l-FKNK, qed tappoġġja din l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u prattiċi illegali oħra iżda qed tistaqsi wkoll kif restrizzjonijiet ġodda fuq il-kaċċaturi li jkollhom skont il-liġi armi tan-nar se tippreveni li jsiru attakki oħra mit-terroristi.
L-FKNK qalet li ressqet dan it-tħassib lill-Ministeru għall-Intern.