Tħassib li dawk favur il-ħajja fi New York jibdew jitqiesu bħala kriminali

Il-Gvernatur ta' New York, Andrew Cuomo, li mexxa l-liġi dwar l-abort
Ir-Reproductive Health Act (RHA) li mistenni jkun approvat mill-Parlament ta’ New York u jsir liġi f’dan l-istat hu ferm agħar milli bassret il-Konferenza Kattolika ta’ New York għax fost affarijiet oħra jista’ jasal żmien meta li tkun Favur il-Ħajja jista’ jitqies bħala delitt.
“Din il-liġi hi daqqa ta’ ħarta kbira għall-Komunità Favur il-Ħajja” qalet Renee Morgiewicz, koordinatriċi tal-Ministeru għar-Rispett tal-Ħajja tad-djoċesi ta’ Albany. “Aħna fi New York irnexxielna nżommu din il-liġi għal 12-il sena sħaħ u dan ifisser li salva ħafna ħajjiet u salvajna ħafna nisa milli jiddispraw”, qalet lill-gazzetta “The Evangelist”.
Il-Parlament ta’ New York mistenni japprova din il-liġi, li kienet imwiegħda mill-Gvernatur Andrew Cuomo, f’anqas minn xahar ieħor.
Il-liġi proposta tiddikjara li “l-abort hu dritt fundamentali tal-bniedem”. Dan hu ta’ tħassib kir għal Kathleen Gallagher, Direttur tal-Attivtajiet Favur il-Ħajja tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi ta’ dan l-istat.
Bil-mod kif inhi miktuba l-liġi tista’ tintuża’ biex twaqqaf organiżazzjonijiet reliġjużi milli jitkellmu favur il-ħajja u tista’ wkoll ma tippermettix li tobba joġġezzjonaw li jwettqu abort għal raġunijiet ta’ kuxjenza jew morali. ‘Dritt Fundamentali’ hu dritt li jisboq drittijiet oħra inkluż dak tal-libertà tal-kuxjenza u l-libertà reliġjuża.
Barra minn dan, l-abbozz ta’ liġi se jneħħi wkoll ir-rekwiżit li jeżisti sal-lum, li tabib liċenzjat biss jista’ jwettaq abort. Se tispiċċa wkoll klawsola li tgħid li abort fl-aħħar tliet xhur tat-tqala jista’ jsir biss fejn ikun hemm periklu għall-ħajja tal-omm.
Il-Konferenza Kattolika ta’ New York aġġornat is-sit elettroniku tagħha u qed titlob lil kulmin iżur dan l-istat biex jibgħat messaġġ lir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament u lill-Gvernatur innifsu u jħeġġuhom ma jappoġġjawx din il-liġi.
L-attivisti fil-Movimenti Favur il-Ħajja issa se jiffukaw il-ħidma tagħhom biex jedukaw lill-pubbliku fuq kwestjonijiet Favur il-Ħajja u jipprovdu riżorsi biex jgħinu lin-nisa ma jfittxux l-abort. Għaqdiet Kattoliċi fid-djoċesi ta’ Albany jipprovdu numru ta’ servizzi ta’ maternità lil nisa li jkollhom tqala mhux ippjanata. Jipprovdu wkoll servizzi ta’ għajnuna lil min ikun wettaq abort.
Skont rapport tal-Federal Centre for Disease Control and Prevention, fl-2015 – l-aħħar sena li għaliha hemm statistika kompluta –  l-aborti naqsu bi 2% fuq l-2014 u niżlu bi kwart dak li kienu fl-2006.
Il-Konferenza Kattolika dan l-aħħar ħarġet tagħrif għall-parroċċi kollha li hemm fit-tmien djoċesijiet ta’ New York biex jgħin lil nisa li jkunu qed jiffaċċjaw tqala mhux ippjanata jew qed isofru wara xi abort u joffrilhom is-servizzi meħtieġa.