Tħassib hekk kif iċ-Ċina rrappurtat żieda fil-każi ġodda

REUTERS/Thomas Peter

Iċ-Ċina għadha kemm irrappurtat 49 każ ġdid ta’ coronavirus nhar l-14 ta’ Ġunju, ċifra iżjed baxxa minn dik ta’ 57 il-jum ta’ qabel skond dak li ħabbret l-awtorità tas-saħħa nazzjonali nhar it-Tnejn. 

Il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa (NHC) fi stqarrija qal li 39 mill-każi ġodda li għadhom kemm kienu rappurtati kienu trażmessi lokalment.

36 każ ġdid kienu f’Beijing, l-istess għadd li kien rappurtat għall-kapitali il-jum ta’ qabel u l-ogħla għadd ta’ infezzjonijiet rappurtati f’ġurnata fil-belt minn mindu l-awtoritajiet bdew iħabbru l-istatistika.

L-Għaqda Dinija tas-Saħħa kkonfermat li qed tinvestiga din iż-żieda fil-każijiet, li skond stħarriġ mediku jindikaw li huma każi mpurtati mill-Ewropa.

Il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa irrappurtat 10 każi ġodda ta’ coronavirus impurtati fiċ-Ċina sal-14 ta’ Ġunju, inqas mid-19 rappurtati l-jum ta’ qabel. Il-kummissjoni rrappurtat ukoll 18-il każ ta’ persuni li ma kellhomx sintomi, iżjed mid-9 każi rappurtati l-jum ta’ qabel. 

L-għadd totali ta’ każijiet ta’ COVID-19 fiċ-Ċina issa huwa dak ta’ 83,181. L-għadd ta’ mwiet baqa’ dak ta’ 4,634. 

Iċ-Ċina ma tgħoddx il-każijiet li jkunu mingħajr sintomi, li jfisser li jkunu infettati mill-virus iżda ma juru l-ebda sintomi, bħala każi konfermati.