Pajjiżi madwar id-dinja komplew jikkunsidraw is-sitwazzjoni tar-restrizzjonijiet b’rabta mal-imxija tal-coronavirus qabel il-Festi tal-Milied hekk kif l-infezzjonijiet globali laħqu s-60 miljun.
Is-sitwazzjoni kompliet issir aktar drammatika fl-Istati Uniti, l-aktar pajjiż li għandu każijiet, u li jirreġistra aktar minn 2,000 każ kuljum, l-ogħla rata minn Mejju. L-awtoritajiet tal-pajjiż huma mħassba u qed jistennew żieda fil-każijiet fi tmiem il-ġimgħa hekk kif l-Amerikani jiċċelebraw il-festa tradizzjonali ta’ Jum ir-Ringrazzjament (Thanksgiving).
Dr Tatiana Prowell, mill-Iskola tal-Mediċina Johns Hopkins sostniet li “jekk se nivvjaġġaw għal din il-festa, se niżguraw li ħadd mhu se jilħaqna. Il-mentalità “Amerikana” li kulħadd għalih qed toqtol mijiet ta’ eluf minn fostna. Dan hu devastanti”.
Filwaqt li bosta mtlew b’kuraġġ bl-aħbar li d-dinja tinsab qrib li jkollha vaċċin, diffiċilment din tkun disponibbli b’mod wiesa’ qabel xhur oħra. F’dan il-kuntest ix-xjentisti komplew jinsistu fuq il-bżonn li kulħadd ikun viġilanti, b’bosta Gvernijiet jikkunsidraw aktar restrizzjonijiet għal żmien il-Milied.
Il-Ġermanja rrappurtat 410 mewt marbut mal-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa. Il-Kanċillier Angela Merkel mistennija tiddiskuti aktar restrizzjonijiet mas-16-il mexxej tal-istati federali għal matul Diċembru.
L-Italja kellha 853 mewt it-Tlieta, żieda mis-630 rrappurtati t-Tnejn, u l-għola rata mit-28 ta’ Marzu.
Xaqq ta’ dawl għall-Franċiżi hekk kif naqsu kemm l-infezzjonijiet ġodda kif ukoll in-numru ta’ persuni l-isptar. Dan hekk kif il-pajjiż daħal fir-raba’ ġimgħa ta’ lockdown. F’indirizz lin-nazzjon, il-President Emmanuel Macron sostna li “jekk jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa, se nkunu nistgħu nibdew inlaqqmu l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà lejn l-aħħar tas-sena jew kmieni f’Jannar”.
Franza se tibda tillaxka r-restrizzjonijiet b’mod li l-ħwienet, teatri u ċ-ċinemas jerġgħu jiftħu għall-Milied u n-nies ikunu jistgħu jqattgħu l-festi mal-familji tagħhom.
Fir-Renju Unit, mexxejja tal-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq qablu fuq politika komuni biex jirrillaxxaw ftit tal-miżuri biex tliet familji jkunu jistgħu jiltaqgħu flimkien fi żmien il-Milied. Intant, il-Ministru tal-Finanzi Rishi Sunak ħabbar pjan ta’ 280 biljun sterlina biex “il-pajjiż jgħaddi minn dan iż-żmien tal-pandemija”.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen wissiet kontra l-għaġġla fit-tneħħija tal-miżuri restrittivi. “Irridu nitgħallmu mis-sajf u ma nirrepetux l-istess żbalji”, qalet lill-Parlament Ewropew. “Jekk se ngħaġġlu fir-rilaxx tal-miżuri, se nirriskjaw li jkollna t-tielet mewġa wara l-Milied”.