Tħassib fuq pjan għal kumpless kummerċjali f’żona industrijali f’Ta Qali

Planning Authority

Read in English.

Numru ta’ entitajiet esprimew l-oġġezzjonijiet tagħhom f’perjodu ta’ konsultazzjoni fuq pjanijiet biex iż-żona industrijali biswit il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali tinbidel f’waħda kummerċjali.

Tħassib partikolari ħareġ fuq pjanijiet biex l-għoli tal-bini jitla’ aktar mid-doppju ta’ dak preżenti, u fuq il-ħsieb li jitla’ kumpless kummerċjali ieħor f’żona barra mill-iżvilupp meta jibqa’ l-bżonn ta’ żoni industrijali.

Il-pjanijiet jikkonċernaw iż-żona industrijali li tinsab maġenb l-Ambaxxata Amerikana, fejn bħalissa hemm bini li jilħaq għoli ta’ 8 metri. Però l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) beħsieba tippermeti strutturi ġodda li jilħqu għoli massimu ta’ 17-il metru u nofs, għalkemm il-faċċati nnifishom m’għandhomx jitilgħu aktar minn 11-il metru.

Skont ir-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni għal din iż-żona, supermarkets, faċilitajiet mediċi jew edukattivi u postijiet ta’ ħażna u distribuzzjoni għandhom jiġu meqjusa favorevolment.

Il-pjan oriġinali kien jinkludi green belt b’wisgħa ta’ mill-anqas 13-il metru: però dan ġie rivedut b’mod anqas restrittiv. L-awtorità issa tinsisti li jkun hemm landscaping li jinkludi siġar u arbuxell. Il-bini jista’ jokkupa 60%, bil-bqija tas-sit jibqa’ spazju miftuħ.

Pjan biex sqaq eżistenti jiġi estiż biex iservi ta’ ring road madwar is-sit ukoll tneħħa wara konsultazzjoni.

ERA, organizzazzjonijiet ambjentali jesprimu tħassib

L-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni kien sar fl-2018, u t-tieni stadju sar is-sena l-oħra. L-awtorità issa fetħet it-tielet stadju ta’ konsultazzjoni: sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu fuq nwlp.taqali@pa.org.mt sas-16 ta’ Ottubru.

Fis-sottomissjonijiet tagħha, l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi nnutat li l-impatt ambjentali tas-sit se jiżdied, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq it-traffiku fiż-żona. L-awtorità nsistiet li ż-żona għandha tibqa’ tintuża għal skopijiet li m’humiex akkomodati f’żoni kummerċjali tipiċi: hi tesprimi tħassib li jekk ma jsirx dan, tiżdied il-pressjoni biex żoni barra l-iżvilupp jintużaw għalihom minflok.

Il-Kamra Maltija għall-Ippjanar, min-naħa tagħha, qalet li ma taqbilx mal-mod kif il-PA tagħmel reviżjonijiet parzjali ta’ pjanijiet minflok tittratta l-ippjanar b’mod ħolistiku. Dan, skont l-assoċjazzjoni, jidher li qed isir biex jaġjevola żviluppaturi.

Il-kamra żżid li ż-żieda fl-għoli tal-bini hi konsiderevoli u li se jkollha impatt negattiv fuq iż-żona, u fakkret li s-sit huwa ODZ. Għalkemm mhux opposta għall-użu tas-sit, tinsisti li għandu jkun hemm studji biex tara x’setturi għandhom bżonn aktar art.

Il-Kamra tal-Periti wkoll insistiet li l-pjanijiet jidhru li qed isiru għall-benefiċċju tas-sidien tal-art – peress li l-valur tal-art mistenni jogħla sew – minflok għall-benefiċċju tal-pubbliku in ġenerali. Hi fakkret li il-kunċett ta’ żoni kummerċjali fil-periferija taż-żoni urbani, għalkemm jidher li popolari f’Malta, qed jiġi abbandunat f’pajjiżi żviluppati, li qed jippreferu r-riabilitazzjoni ta’ ċentri urbani.

F’isem Futur Ambjent Wieħed, l-avukat u ambjentalista Claire Bonello qalet li l-pjanijiet imorru kontra l-prinċipji tal-ippjanar imniżżla fuq l-iSPED. Hi semmiet kif bini aktar għoli se jkollu impatt viżiv negattiv li jaffettwa il-veduti tal-Imdina. L-iSPED isemmi wkoll li ċentri kummerċjali ġodda m’għandhomx jitilgħu f’żoni mhux urbani, kif insistew ukoll il-KTP.