Tħassib fuq il-ftehim milħuq maċ-Ċina għall-enerġija

Rapporti fil-midja internazzjonali qed juru tħassib fuq il-ftehim milħuq bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż fejn kumpanija sussidjarja taċ-China Power Investiments se tinvesti b’$266 miljun biex tixtri ishma fil-Korporazzjoni Enemalta.

China Power Investments hija waħda minn ħames kumpaniji kbar tal-enerġija fiċ-Ċina.

Huwa mistenni wkoll li skont il-‘memorandum of understand’, li se jidħol fis-seħħ fuq medda ta’ 6 xhur sa’ Marzu, isir ukoll investiment fuq ċentru għall-enerġija rinovabbli b’mod speċjali fl-enerġija mix-xemx.

Il-pannelli fotovoltaiċi fis-suq Ewropew kienu wasslu għal diżgwid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Ċiniż minħabba r-regoli Ewropej.

Is-sena li għaddiet fl-Ewropa inbiegħu b’aktar minn €21 biljun f’pannelli fotovoltaiċi miċ-Ċina. 

Permezz tal-investiment f’ċentru għall-enerġija, dawn il-pannelli se jiġu manifatturati f’Malta u jinbiegħu fis-suq Ewropew.

L-enerġija rinovabbli se tgħin biex Malta tilħaq il-mira ta’ 10% f’ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi alternattivi sal-2020. Mira li pajjiżna jinsab ferm il-bogħod li jilħaq.