Tħassib fost l-investituri ta’ Facebook

REUTERS/Dado Ruvic

L-investituri fl-ishma ta’ Facebook esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-aħbar li ħarġet din il-ġimgħa li l-kofundaturi ta’ Instagram Kevin Systrom u Mike Krieger irriżenjaw mill-kariga tagħhom. Din ir-riżenja ħafna qisuha bħala sorpriża għaliex ħadd ma basar li setgħu kienu fi triqithom ‘il barra.

X’inhu Instagram?

Instagram huwa network tal-media soċjali li twaqqaf fl-2010 bil-ħsieb li l-utenti tiegħu jtellgħu ritratti u filmati qosra. Matul is-snin Instagram kiseb suċċess kbir tant li fl-2012 inxtara minn Facebook għas-somma ta’ biljun dollaru amerikan. Illum Instagram għandu madwar biljun utent li jużawh b’mod regolari.

Diżgwid mal-fundatur ta’ Facebook

Uħud mir-rapporti indikaw li r-riżenja kienet riżultat ta’ diżgwid mal-fundatur ta’ Facebook, Mark Zuckerbeg. Minkejja dan, fi stqarrija Zuckerberg faħħar il-kwalitajiet straordinarji tagħhom u qal li huma persuni kreattivi ħafna u li jistenna bil-ħerqa għall-innovazzjonijiet ġodda li se joħorġu bihom ‘il quddiem.

Din l-aħbar ħalliet bosta investituri mħassba bil-kritika li qed issir lil Zuckerberg minħabba l-poter li għandu fit-tmexxija ta’ Facebook. Kritika b’saħħitha qed issir ukoll minn Jonas D. Kron li huwa d-direttur tas-shareholders advocacy ta’ Trillium Asset Management li għandha madwar 52,000 sehem f’Facebook. Fi kliemu jemmen li għandu jkun hemm kambjament sistematiku fit-temxxija ta’ Facebook. Din l-għaqda qed issostni li Zuckerberg għandu jħalli r-rwol ta’ chairperson tal-board tad-diretturi u jiffoka fuq ir-rwol ta’ CEO tal-kumpanija. Huwa nnota li kumpaniji kbar oħra bħal Apple, Microsoft u Twitter kollha għandhom diviżjoni aħjar tal-poter. Fi kliemu, Facebook huwa wisq kumpless biex persuna waħda jkollha dak il-poter kollu.

Żgħażagħ jippreferu networks soċjali oħrajn

Jidher li Facebook mhux qed jibqa’ jkollu l-istess suċċessi tal-passat. Ħafna qed jabbandunaw il-pjattaforma minħabba tħassib dwar il-privatezza tagħhom u l-iskandli ta’ dak li jissejħu fake-news. Dan b’kuntrast ma’ Instagram li kompla jikber u jżid l-utenti tiegħu partikolarment dawk żgħażagħ. Is-suċċess ta’ Instagram qed jogħġob ferm lil kumpaniji tar-riklamar li qed iħarsu lejn il-mod kif jaħdem Instagram bħala mitqlu deheb.

Intant fl-aħħar tliet snin Facebook sar inqas importanti għat-teenagers. B’kuntrast ma’ ċifri maħruġa fl-aħħar snin. Stħarriġ li sar miċ-Ċentru ta’ riċerki ‘Pew’, qed ikun irrapurtat li t-teenagers fl-2018 qed jużaw iktar YouTube, Instagram u Snapchat milli Facebook.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.