Tħassib fl-Ewropa dwar iż-żieda fil-każi ta’ Coronavirus

coronavirus testing centre
Miguela Xuereb

Read in English.

Ħamsin dipartiment, li jikkorrispondu għall-parti l-kbira tat-territorju nazzjonali fi Franza ġew iddikjarati ‘żona ta’ ċirkolazzjoni attiva tal-virus’

Aktar min-nofs id-dipartimenti Franċiżi issa huma żona ħamra, f’Madrid aktar minn miljun persuna huma magħluqa fi djarhom, fir-Renju Unit hemm sitwazzjoni ta’ allerta u jista’ jkun li jiġu implimentati aktar miżuri stretti għaċ-ċittadini, anke jekk qed jiġi eskluż lockdown ieħor simili għal dak li kellhom fir-rebbiegħa: it-tieni mewġa tal-virus qed tħalli effett dejjem akbar fuq l-Ewropa. Il-kontinent kollu qed jaffaċċja kuljum id-deċiżjoni diffiċli bejn il-fatt li jinżammu miftuħin l-iskejjel u titkompla l-attività produttiva, kontra l-ħtieġa li jiġu intraċċati u iżolati malajr kemm jista’ jkun l-infezzjonijiet il-ġodda li għadhom qed jiżdiedu.

Franza ilha għal diversi ġranet tirreġistra aktar minn 10,000 każ kuljum u minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa, aktar minn 50 dipartiment issa huma ddikjarati bħala ‘żona ta’ ċirkolazzjoni attiva tal-virus’. Din hija klassifikazzjoni li tippermetti lill-prefetti tad-dipartimenti jadottaw miżuri supplementari biex jiġi mblukkat il-progress tal-għadu inviżibbli; madankollu s’issa għadu ma ġiex implimentat lockdown għall-popolazzjoni bħal dak li kien fis-seħħ ftit xhur ilu.

Minkejja l-fatt li ċ-ċifri huma anqas minn dawk li kien hemm fil-bidu tal-pandemija, fir-Renju Unit qed jiżdied il-livell ta’ tħassib dwar is-sitwazzjoni. Skont l-uffiċjali tas-saħħa fil-gvern ta’ Boris Johnson, jekk iż-żieda fil-każijiet mhux se titwaqqaf b’mod immedjat, f’Ottubru l-pajjiż jista’ jerġa’ jaffaċċja livelli ta’ 50,000 infezzjoni u 200 mewta kuljum, għaxar darbiet aktar mil-livell ta’ madwar 4,000 każ ġdid li qed jinstabu bħalissa. Dan it-tħassib huwa bbażat fuq it-tendenza li diġà dehret f’pajjiżi oħra bħal Franza u Spanja, fejn l-infezzjoni għaddiet miż-żgħażagħ għall-ġenerazzjoni aktar anzjana, u issa teżisti sitwazzjoni ta’ żieda fl-imwiet. Il-professuri Patrick Vallance u Chris Whitty talbu li jiġu implimentati miżuri ġodda aktar restrittivi fuq il-kuntatt soċjali fil-parti l-kbira tar-reġjun Brittanniku, u Johnson sejjaħ laqgħa ad hoc tal-kumitat tal-gvern għall-emerġenzi, Cobra. 

Intant, ir-restrizzjonijiet il-ġodda mħabbra f’dawn l-aħħar jiem daħlu fis-seħħ f’ċerti partijiet ta’ Madrid, u fil-qalba tal-belt kapitali Spanjola. Il-miżuri jaffetwaw lil 850,000 persuna: dawn se jkunu jistgħu jħallu ż-żona tagħhom biss biex imorru għax-xogħol, imorru l-iskola jew biex jirċievu assistenza medika. Anke hawn għadu ma ġiex implimentat lockdown strett: iċ-ċittadini għadhom jistgħu jivvjaġġaw b’mod liberu fiż-żona tagħhom, anke jekk il-parks pubbliċi se jibqgħu magħluqin u r-ristoranti u l-ħwienet tal-kafé jridu jagħlqu mal-10:00 ta’ filgħaxija.

Anke f’Monaco ta’ Baviera, fil-Ġermanja, qed jiżdiedu r-restrizzjonijiet kontra l-Covid. Min-nhar il-Ħamis li ġej, ser ikun obbligatorju li l-maskla tintlibes anke barra, f’ċerti partijiet miċ-ċentru storiku, u ser ikunu implimentati limitazzjonijiet fuq il-kuntatti: mhux se jkunu permessi gruppi ta’ aktar minn ħames persuni f’daqqa. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-amministrazzjoni lokali fid-dawl taż-żieda fl-infezzjonijiet fil-kapitali tal-Land tal-Ġermanja t’Isfel, fejn fil-weekend inqabeż il-limitu ta’ 55.6 każijiet ġodda għal kull 100 elf abitant f’7 ijiem.

Fuq in-naħa l-oħra tal-Oċean, fl-Istati Uniti, dalwaqt jintlaħaq it-tragward ta’ 200,000 vittma tal-coronavirus, filwaqt li l-għadd ta’ każijiet qabeż is-6.8 miljun. Dawn iċ-ċifri qed iżommu lill-Istati Uniti fl-ewwel post tal-klassifika dinjija ta’ pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-Covid-19. Intant, il-president Donald Trump għadu jħares lejn il-vaċċin bħala l-aktar soluzzjoni immedjata kontra l-virus, u jkompli jsostni x-xewqa tiegħu li dan ikun disponibbli qabel l-elezzjoni ta’ Novembru li ġej. Hu qed jibqa’ jsostni li issa hija kwistjoni ta’ “ġimgħat, probabbilment ikun disponibbli sal-aħħar ta’ Ottubru”.