Tħassib dwar l-ishma internazzjonali

L-ishma tas-swieq internazzjonali qed jaqgħu minħabba tħassib li qed iqum dwar l-Istati Uniti.
L-indiċi prinċipali ta’ New York, Tokyo, u Londra sofrew minn tnaqqis drastiku. Skont il-midja internazzjonali, analisti ta’ dawn is-swieq qed jippruvaw jiskopru jekk dan it-tnaqqis hux riżultat korrettiv wara numri rekord riċenti jew jekk hemmx problemi li huma aktar serji.
Hemm tħassib li r-Riżerva Federali tal-Istati Uniti se tkun qed tgħolli r-rati tal-interess b’rata aktar mgħaġġla milli kien mistenni. Dan ġara wara li ħareġ ir-riżultat ta’ stħarriġ fl-Istati Uniti li wera li l-pagi fil-pajjiż kienu qed jiżdiedu. Dan jista’ jwassal għal rata aktar mgħaġġla tal-inflazzjoni.
Ġeneralment, meta r-rati tal-interess jogħlew f’salt, l-ishma fis-suq ġeneralment jonqsu wkoll.
Wieħed forsi jistaqsi għalfejn kwistjonijiet b’rabta mal-Istati Uniti qed jaffetwaw il-bqija tad-dinja. Skont il-midja, dan għaliex l-Istati Uniti għandha l-akbar ekonomija fid-dinja. Hija tospità wħud mill-akbar swieq finanzjarji fid-dinja. Id-Dollaru Amerikan huwa l-munita ta’ referenza għall-investituri madwar id-dinja.