Tħassib dwar l-impatt tal-ballun tan-nar; il-Ministru jwieġeb

BirdLife Malta hija preokkupata dwar il-ballun tan-nar hekk imsejjaħ “The Shell of Shells” li mistenni jkun sparat bħala parti mill-festa taż-Żurrieq. Ftit sigħat wara l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera serraħ ras l-ambjentalisti.

Fuq Facebook, BirdLife qalet li dan se jaffetwa l-Filfla li se tkun biss 3.3Km bogħod minn fejn se tkun sparata. Saħqet li l-ballun tan-nar hu mistenni li se jaffettwa minn tal-inqas tliet siti ta’ Natura2000. Qalet li bħalissa hemm għasafar li qed ibejtu f’Filfla u huma sensittivi ħafna għad-dawl u t-tniġġiż bil-ħsejjes.

Birdlife appellat biex il-Ministru Herrera jintervjeni u biex l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tippubblika l-assessjar tal-impatt u x’possibiltà hemm li dan iħalli ħsara fuq siti ta’ Natura 2000 fuq Filfla u l-baħar ta’ madwarha.

“L-aspetti ambjentali kollha kienu kkunsidrati” – Il-Ministru Herrera

Fi stqarrija, il-Ministru Herrera qal li jinsab infurmat u assigurat mill-ERA li l-aspetti ambjentali kollha kienu kkunsidrati u evalwati. Żied jgħid li sar ukoll ir-rapport bir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Flora, Fawna u Ħabitats Naturali. Fisser li dan ir-rapport ikkonkluda li m’hemmx impatt sinifikanti fuq l-ambjent naturali taż-żona, b’mod partikolari l-fawna, peress li s-sit tal-barkun se jitpoġġa 3.6 km minn Filfla, 3.3km minn Żurrieq fuq in-naħa tal-Lvant u 3.5km minn Għar Lapsi fuq in-naħa tal-Punent.

Se jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet varji u miżuri ta’ mitigazzjoni kemm waqt l-avveniment kif ukoll wara, inkluż li x-xogħol preparatorju u ż-żarmar kollha għandhom isiru bejn sbieħ il-jum u t-tlugħ ix-xemx, l-użu ta’ flash powder huwa pprojbit u murtal wieħed biss jiġi mitluq. Jeħtieġ li jitwettaq tindif tal-baħar b’mod konvenjenti sa 500 metru mill-barkun. Ġie mitlub li jsir rapport ta’ monitoraġġ ambjentali wara l-avveniment biex jiżgura li l-applikant segwa l-kundizzjonijiet elenkati fil-permess.