Tħassib dwar il-pjan ta’ immigrazzjoni bejn l-UE u t-Turkija

Il-pjan li l-Ewropa tibgħat numru ta’ immigranti mill-Greċja lejn it-Turkija mistenni jibda nhar it-Tnejn li ġej u ħafna qed jaħsbu li għad m’hemmx preparazzjoni biżżejjed biex jitħaddem dan il-pjan.
In-Nazzjonijiet Magħquda u gruppi oħra tad-drittijiet tal-bniedem qalu li huma mħassba dwar l-iventwalità li l-immigranti jispiċċaw sfurzati lura lejn is-Sirja.
Il-pjan bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija hu maħsub li jtaffi l-problema tal-immigrazzjoni massiċċa lejn l-Ewropa.
Permezz ta’ dan il-pjan, immigranti li qed jaslu illegalment fil-Greċja, jistgħu jintbagħtu lura jekk ma japplikawx għall-ażilju jew jekk l-applikazzjoni tagħhom ma tiġix aċċettata.
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qalu li ħafna mill-immigranti se jerġgħu jintbagħtu lura minn nhar it-Tnejn.
Il-pjan jinvolvi ukoll Sirjani li qed jgħixu fit-Turkija li se jiġu aċċettati fl-Unjoni Ewropea.
Is-sena l-oħra, aktar minn miljun immigrant u refuġjat waslu fl-Ewropa permezz ta’ dgħajjes mit-Turkija lejn il-Greċja.