“Malta favur kummerċ ħieles bejn Malta u l-Awstralja”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta hija instintivament favur il-kummerċ ħieles waqt laqgħa mal-Prim Ministru Awstraljan Malcolm Turnbull.
Fi stqarrija mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, intqal li fost id-diskussjonijiet tal-PM fl-Awstralja kien hemm ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Awstralja, kif ukoll il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja.
Iż-żewġ Prim Ministri qablu li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma tajbin ħafna u l-irwol tal-Maltin u persuni ta’ dixxendenza Maltija fl-Awstralja huwa pożittiv ħafna.
Iż-żewġ Prim Ministri ddiskutew fid-dettal il-politika ekonomika mħaddna miż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet li jgħinu lil familji u negozji biex ikomplu jimxu ’l quddiem.
“Tħallux lilkom infuskom issiru parti minn minoranza”
F’attività separata l-Prim Ministru qal lil dawk kollha li marru biex jiltaqgħu miegħu fi Brisbane fl-Awstralja sabiex ma jħallux lilhom infushom isiru parti minn minoranza.
Fi stqarrija mill-uffiċju tal-Prim Ministru, intqal kif Dr Muscat qal li l-Maltin fi Brisbane għandhom iħossuhom parti integrali mis-soċjetà Awstraljana.

Il-Prim Ministru qal ukoll li meta kien mistieden mill-Gvern ta’ Queensland biex bħala chair-in-office jattendi għal-logħob tal-Commonwealth f’Gold Coast, għażel li jżur Brisbane biex jiltaqa’ ma’ din il-komunità Maltija li ma tantx kellha żjarat minn mexxejja Maltin.
Ritratti: DOI – Jason Borg