“Tħallux li terġa’ tiġri sitwazzjoni bħal din” – Prof. Gauci dwar il-briju fil-Furjana

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku biex ikun responsabbli u ma jħallix li terġa’ tiġri sitwazzjoni bħal dik tal-bieraħ.

Dan qalitu f’kumment ma’ Newsbook.com.mt b’reazzjoni għal briju ta’ għexieren ta’ persuni li lbieraħ inġabru fuq il-Fosos tal-Furjana.

Ilbieraħ, Floriana FC ġew iddikjarati Champions għall-kampjonat Malti 2019/2020 filwaqt li Nadur Youngsters ġew iddikjarati Champions tal-ewwel Diviżjoni tal-GFA. Il-partitarji tal-Floriana FC mal-ewwel marru fuq il-Fosos tal-Furjana fejn hemmhekk iċċelebraw din ir-rebħa b’għexieren ta’ persuni jxejru bnadar u jkantaw innijiet ċelebrattivi. L-Assistent tal-Pulizija indirizza l-folla preżenti u waqqaf iċ-ċelebrazzjonijiet.

Prof. Gauci spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa qed isegwu s-sitwazzjoni u hekk kif il-każi jidher li neżlin, l-għan tagħhom huwa li dawn jibqgħu neżlin. Irrimarkat li minkejja li kien hemm rilaxxament ta’ miżuri, il-laqgħat tal-massa għadhom mhux permissibbli li jsiru. Fakkret li s’issa, il-liġi tippermetti gruppi sa massimu ta’ sitt persuni.

Intant, hi appellat biex dawk kollha li kienu fil-Furjana u li jibdew iħossu xi sintomi jaraw li jmorru jagħmlu t-testijiet sabiex jipproteġu lilhom innifishom u lil ta’ madwarhom. Biex wieħed jagħmel appuntament għal swab test irid iċempel 111.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn