Tħallux l-iżbalji tal-passat ifarrku l-ħolm u t-tama tagħkom

Il-Papa Franġisku fil-ftuh tas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ, dalgħodu fi Pjazza San Pietru

Il-Papa Franġisku ċċelebra l-quddiesa tal-ftuħ tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ billi esprima l-fiduċja tiegħu fiż-żgħażagħ li qal huma msejħa biex jgħinu fit-tiġdid tal-kapaċità tal-Knisja li toħlom, tittama u tibni dinja aħjar.

Waqt l-omelija fil-quddiesa li saret fi Pjazza San Pietru, il-Papa sejjaħ lil ħutu l-Isqfijiet biex jisimgħu l-vuċi taż-żgħażagħ fi sforz biex nibnu dinja aħjar minn dik ta’ qabilna.  Hu esprima t-tama fil-ġenerazzjoni l-ġdida li, qal, “kapaċi tipprofetizza u għandha l-viżjoni” u talab biex l-Ispirtu s-Santu jagħti lill-Isqfijiet il-grazzja li jkunu midluka “bir-rigal tal-ħolm u t-tama.”

Hu bil-fehma li nisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu, qal il-Papa, li nġbarna hawn minn kull rokna tad-dinja. Hu rrimarka li għall-ewwel darba kien hemm preżenti żewġ Isqfijiet Ċiniżi u b’hekk l-għaqda tal-Episkopali kollha mas-Suċċessur ta’ Pietru hi aktar viżibbli.

Papa Franġisku esprima t-tama li din il-laqgħa tgħin biex jitwessgħu l-orizzonti u l-qlub u “tibdel dawk il-fehmiet li llum qed jipparalizzaw, jifirdu u jaljenaw lill-Knisja miż-żgħażagħ u tħallihom esposti għal baħar imqalleb, orfni u mingħajr komunità ta’ fidi li għandha ssostnihom, ordni mċaħħda minn sens ta’ direzzjoni u sens f’ħajjithom.”

Żied jgħid li t-tama tisfidana u tmexxina u tkisser dak il-konformiżmu ta’ “dejjem hekk sar.” It-tama titlob minna li nqumu u nħarsu dirett f’għajnejn iż-żgħażagħ u naraw is-sitwazzjoni tagħhom. Il-Papa qal li llum iż-żgħażagħ “qed isejħulna biex ningħaqdu magħhom u niffaċċjaw il-preżent b’impenn akbar u biex naħdmu kontra kull min ma jħallihomx jikbru f’mod dinjituż.”

Iż-żgħażagħ jitolbu mill-Knisja kreattività, dinamiżmu, intelliġenza, entużjażmu u tama. Jitolbuna “ma nħalluhomx weħidhom f’idejn il-ħafna negozjanti tal-mewt li jkasbru ħajjithom u jdallmu l-viżjoni tagħhom.”

Papa Franġisku fakkar lil sħabu l-Isqfijiet u s-saċerdoti li huma msejħa biex ikunu umli u mingħajr preġudizzji fil-ħarsien tal-interessi tal-oħrajn: “B’dan l-ispirtu nippruvaw nisimgħu lil xulxin biex flimkien niddixxernu dak li Alla qed jitlob mill-Knisja tiegħu.”

Kompla jgħid li l-imħabba għall-Evanġelju u għall-popli fdati f’idejna, jisfidawna biex inwessgħu l-orizzonti u ma ninsewx il-missjoni li għaliha aħna msejħa”.

“Jalla l-Ispirtu jagħtina grazzja biex inkunu memorja diliġenti, ħajja u effettiva li ma tħallix lilha nfisha, minn ġenerazzjoni għall-oħra, tispiċċa jew titfarrak mill-profeti tad-dlam u l-isfortuna, bin-nuqqasijiet, l-iżbalji u d-dnubiet tagħna,” qal il-Papa.

Papa Franġisku temm l-omelija tiegħu billi fakkar fil-messaġġ tal-Isqfijiet fi tmiem il-Konċilju Vatikan II, meta twaqqaf is-Sinodu għall-ewwel darba.

Dak kien messaġġ li ħeġġeġ lill-Knisja tieħu dehra aktar “żagħżugħa” biex twieġeb aħjar għal dak li ried Kristu. Hu kkonkluda billi kkwota d-diskors tal-Papa Pawlu VI meta fl-1965 indirizza liż-żgħażagħ tad-dinja u qalilhom: “Hu f’Ismu li llum nitolbukom tiftħu qalbkom għad-dinja, tisimgħu l-appell ta’ ħutna u tpoġġu l-enerġija żagħżugħa tagħkom għas-servizz tagħhom. Iġġieldu kull forma ta’ egoiżmu. Iċċedux għall-istint tal-vjolenza u l-mibegħda li jġibu gwerrer u miżerja. Kunu ġenerużi, safja, rispettużi u sinċieri, u bl-entużjażmu tagħkom ibnu dinja aħjar milli kellhom missirijietkom.”