Tħallux l-ippjanar jinħataf minn min għandu interessi ulterjuri – KA

Il-Kummissjoni interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li huwa tal-akbar importanza li l-proċess tal-ippjanar ma jinħakimx minn min għandu interessi ulterjuri. Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tal-Ippjanar Urban, il-KA qalet li jidher li l-awtoritajiet iħarsu bl-ikrah lejn ippjanar fit-tul ma jmurx dan itellef minn opportunitajiet ekonomiċi immedjati. “Din hija triq mill-aktar perikoluża għax il-ġid jaf jinħasad malajr ħafna imma d-danni li jħalli warajh fuq il-persuni u l-kommunitajiet jaf ikunu irriversibbli” qalet il-KA.

U-turn dwar il-klima bl-approvazzjoni tal-iżvilupp fil-Qala – KA

Il-ħatfa tal-ambjent

Meta l-pajjiż ikun tant żgħir, qalet il-KA, huwa mill-aktar importanti li l-proċess tal-ippjanar ma jinħatafx, kemm fl-interess tal-pajjiż kif ukoll fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KA qalet li ilha s-snin titlob reviżjoni tal-pjani lokali, mingħajr ma waslet imkien u ma ingħatat widen. “Agħar minn hekk,” qalet il-KA, “ir-reviżjonijiet saru bil-biċċiet u minħabba f’hekk, żdiedet l-inċertezza partikolarment dwar l-impatti li dawn il-bidliet kellhom fuq il-komunitajiet u l-wirt komuni”. Bħallikieku dan mhux biżżejjed, qalet il-KA, fejn saru pjani, bħal fil-każ ta’ Paceville, dawn twarrbu, minkejja li fil-lokalitajiet qed isir żvilupp massiċċ. Dan, sostniet il-KA, se jkollu impatt irriversibbli.

Il-permess fil-Qala għandu jiġi rtirat mill-PA – Wirt Għawdex

Fejn hu l-ODZ?

Il-Kummissjoni Ambjent qalet li tinsab sorpriża li l-gvern wera ’tħassib’ dwar deċiżjoniet meħuda mill-PA fl-ODZ. Qalet li dan l-attentat tal-gvern biex jitbiegħed minn awtorità tiegħu bħallikieku din indipendenti ma tinżel xejn tajjeb meta huwa sewwa magħruf li l-gvern huwa parti ewlenija minn dan il-proċess u xejn ma jsir jekk ma jkunx approvat mill-gvern stess. Semmiet il-policy tal-gvern dwar l-iżvilupp rurali u qalet li kien ilha żmien tilmenta dwaru “iżda l-appelli tagħna waqgħu fuq widnejn torrox”. Il-KA qalet “Kif qatt jista’ jintleħaq qbil dwar din il-policy meta l-interessi involuti imorru kompletament kontra xulxin?”

Il-KA iddefendiet lill-esperti fil-qasam tal-ippjanar u qalet li tinsab sorpriża kif dawn ma humiex involuti fir-reviżjoni ta’ policy daqstant important. “Il-pajjiż għandu bżonn aktar mhux anqas esperti fl-ippjanar, ikkonkludiet il-KA.